Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC ilbieraħ ippubblika r-riżultati għas-sessjoni tal-2025. Madwar 3,760 kandidat irċevew ir-riżultati tal-Matrikola tagħhom, filwaqt li madwar 5,250 kandidat irċevew ir-riżultati tagħhom għall-eżamijiet tal-Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja (SEC).
Din is-sena timmarka pass importanti fl-iżvilupp tal-eżamijiet nazzjonali, billi għall-ewwel darba l-MATSEC introduċa suġġetti ġodda fil-livell SEC. Fost dawn is-suġġetti l-ġodda hemm iċ-Ċiniż, iż-Żfin, it-Teatru u l-Malti bħala Lingwa Barranija, li jirriflettu impenn għal kurrikulu aktar inklużiv u diversifikat.
Is-suġġetti kollha tal-SEC ġew assessjati skont mudell ġdid rivedut, iddisinjat biex jipprovdi valutazzjoni aktar olistika tal-ħiliet tal-istudenti. Dan l-approċċ il-ġdid jinkludi assessjar ibbażat fuq School-Based Assessments (SBA) u l-eżami finali. L-SBA, li jikkostitwixxi 30% tal-grad finali, assessja lill-istudenti fuq il-perjodu tal-aħħar sentejn tal-edukazzjoni sekondarja. Dan jinkludi metodi differenti fosthom proġetti, preżentazzjonijiet orali, testijiet fil-klassi u forom oħra ta’ assessjar kontinwu kif meqjus xieraq mill-edukaturi tas-suġġetti.
Il-kandidati kellhom l-għażla li jagħmlu l-eżamijiet fuq żewġ livelli: Livell 2–3, kif kien isir fis-snin ta’ qabel, u l-Livell 1–2 li kien introdott u li huwa maħsub biex jiċċertifika għarfien bażiku għal dawk li jkunu temmew is-sena skolastika. L-istruttura ġdida tal-livelli tikklassifika r-riżultati f’faxex ta’ prestazzjoni, b’Livell 3 huwa l-ogħla. Filwaqt li Livell 3 jibqa’ l-istandard meħtieġ biex wieħed jgħaddi għall-edukazzjoni post-sekondarja, il-livelli 1 u 2 jistgħu jintużaw biex wieħed ikompli l-perkors edukattiv tiegħu f’istituzzjonijiet post-sekondarji oħrajn. Il-mudell il-ġdid jippermetti wkoll li kandidati li forsi ma kisbux il-grad fl-eżami, biex xorta jkunu jistgħu jilħqu Livell 3 b’mod ġenerali jekk l-SBA ikun biżżejjed biex jikkumpensa għall-prestazzjoni tagħhom fl-eżami.
B’mod ġenerali, l-ħruġ tar-riżultati huma inkoraġġanti, u jindikaw li s-sistema ta’ assessjar il-ġdida għenet lill-kandidati jiksbu riżultati aħjar. Suġġetti bħall-Malti, l-Etika, il-Ġeografija, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan raw żieda fin-numru ta’ studenti li kisbu kwalifika SEC fil-Livell 3. F’suġġetti ewlenin oħra bħall-Matematika u l-Ingliż, in-numru ta’ kandidati li laħqu Livell 3 baqa’ konsistenti ma’ dak tas-snin ta’ qabel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, filwaqt li feraħ lill-istudenti li kisbu r-riżultati li kienu qed jaspiraw, inkoraġixxa lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq biex ma jaqtgħux qalbhom. Ikkummenta wkoll dwar is-sistema ġdida ta’ assessjar, “Dawn il-bidliet jiffurmaw pass sinifikanti lejn sistema ta’ assessajr aktar komprensiva, li toffri stampa aktar ċara mhux biss tal-ħiliet imma wkoll tal-progress fit-tagħlim tal-istudenti,” qal il-Ministru Grima.
ls-sistema edukattiva tagħti l-opportunitajiet kollha possibbli biex l-istudent jingħata appoġġ f’kull mument tal-perkors edukattiv tiegħu. Għalhekk studenti li jixtiequ jtejbu l-livell tagħhom jingħataw l-opportunità biex jagħmlu dan permezz tal-klassijiet ta’ reviżjoni. Din l-inizjattiva għandha l-għan li permezz tagħha ninkoraġixxu lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq f’dawn is-suġġetti biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom. Matul is-snin kemm ilha fis-seħħ din l-iskema, kien hemm numru sabiħ ta’ studenti li għaddew mis-sessjoni ta’ Settembru meta qagħdu mill-ġdid għall-eżamijiet wara li attendew dawn il-klassijiet. “Din l-iskema hija wkoll riflessjoni ta’ dak li hemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida, li permezz tagħha qed inpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru, f’dan il-każ, l-istudent,” qal il-Ministru Grima.