Friday, November 22, 2024

“Il-borma ħaxix saret tas-sinjur”

Bejjiegħ iwissi li l-prezz tal-ħaxix u l-frott aktarx se jogħla fix-xhur li ġejjin…

Aqra wkoll

Bejjiegħ ta’ ħaxix u frott minn vann li jixtri l-prodotti minn Ta’ Qali wissa li kollox jindika li fix-xhur li ġejjin il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli mistennija jkomplu jogħlew. Huwa li ilu jagħmel dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 26 sena spjega li f’dawn iż-żminijiet sħan il-ħaxix dejjem jogħla fil-prezz imma minħabba li din is-sena kellna xitwa bla ilma u l-bdiewa f’pajjiżna naqsu sew fin-numru tagħhom, hemm skarsezza. Dan b’mod awtomatiku qiegħed iwassal biex il-prezzijiet tal-ħaxix u l-frott jogħlew ħafna tant li l-borma ħaxix li qabel kienet sinonima mal-fqir, illum il-ġurnata din saret tas-sinjur.

“Qabel kien hawn aktar bdiewa u dawn kienu jaħdmu fir-raba’ kontinwament. Illum naqsu ħafna. Barra minnhekk għandna sitwazzjoni fejn hemm nuqqas ta’ prodott. Issa meta jkollok nuqqas ta’ prodott jogħla l-prezz. Ta’ Qali huwa suq u kif jgħidulna huma, ‘is-suq imexxi’. Jgħidulna biex nixtru l-prodott ta’ Malta imma jekk ma ssibx tixtri l-prodott ta’ Malta jkollok taqa’ għal ta’ barra u f’ċertu ċirkostanzi, pereżempju bħalma ġara bix-xita ta’ nhar l-Erbgħa, għall-argument għall-qargħabali jitolbok €3.50 jew €4-il kilo imma jkollok ta’ barra bit-€2.75. Ikollok tmur għal ta’ barra għax meta jiġi jixtri mingħandek, l-ewwel li se jistaqsik il-klijent huwa ‘kemm hu?’”

Hekk beda jispjega lil dan is-sit, dan il-bejjiegħ ta’ prodotti ta’ ħaxix u frott li minkejja jara li jagħti l-aħjar kwalità bi prezz kemm jista’ jkun baxx lill-klijenti tiegħu, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed isir diffiċli biex jagħmel dan. 

Minħabba skarsezza l-prodott Malti jiġi bi prezz ogħla

Dan ir-raġel tal-familja qal li meta nitkellmu dwar il-prodott Malti, il-ħaxix u l-frott lokali jiġu bi prezz ogħla minn dawk ta’ barra u dan minħabba li hawn nuqqas kbir tiegħu. 

Speċifika kif, “is-sena l-oħra ma kellniex biżżejjed xita tant li għamlet biss terz ta’ dak li tagħmel is-soltu. Meta tagħmel inqas xita, tera (taħt) fil-ħamrija ma jkunx hemm. Għal ċerti prodotti,  fosthom il-patata u l-basal, irid ikun hemm it-tera. Fil-fatt, anke fil-każ tal-basal, min ma saqqhiex ma ħa xejn għax ma kien hemm xejn x’jieħu minn taħt. Allura, il-prezz jogħla u mbagħad jidħollok ta’ barra bl-irħis”.

Il-prezz jilgħab minn ġurnata għall-oħra…

Minn siegħa għall-oħra

Huwa li minn dan ix-xogħol jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, elabora li huwa minnu li l-prodott li jiġi minn barra ġieli jkun għoli wkoll imma, mill-esperjenza tiegħu, “il-biċċa l-kbira iktar jidħol irħis mill-prodott Malti. Dan għax huma jdaħħluh meta ma jkunx hawn ta’ Malta. Jiġri allura, għall-argument, li meta jkun hawn l-abbundanza, ix-xogħol tal-bidwi jintrema’. Fil-verità ma taqbadx art ta’ kif se taħdem is-sistema. Illum taħseb li se tagħmel pereżempju elf pastarda, tmur Ta’ Qali u ġġiblek €1-il kaxxa. Il-prezz jilgħab minn ġurnata għall-oħra jekk biex ma ngħidlekx minn siegħa għall-oħra. Min iġiblek ħaġa minn oħra, min l-istess xogħol jew inkella l-pitkal jara li se jeħel bi prodott u jgħidlek issa €1 flok €2. Imma, jekk ikun xogħol ta’ bil-għoli, mhux se tgħidlu għax inti tajtuli b’hekk. Dak huwa s-suq”.

Dan il-bejjiegħ li l-ġurnata tiegħu tibda bix-xiri tal-prodotti kmieni filgħodu u l-bejgħ tagħhom minn wara nofsinhar sa tard bil-lejl, jinsab verament imħasseb. Qalilna li, “jekk l-ajru se jibqa’ kif inhu, sakemm tiżra’ l-prodott trid tistenna xahrejn u nofs, tlieta biex jikber. Jekk imbagħad l-ajru jaqleb f’daqqa, kif għamel nhar l-Erbgħa u jaqleb għall-kesħa, il-prodott mhux se jilħaq jikber u se jkun hawn ftit. In-nies se tibda ssajjar aktar il-borma u kulħadd jibda jfittex il-brokkoli u l-pastard imma l-prodott irid iż-żmien tiegħu biex jikber. Allura, awtomatikament, se jogħla”. 

“Kull pastarda tiġini €5. Għidli int kemm tista’ titlob lill-klijent?”

Hawn huwa qal li jekk ma jidħolx ta’ barra, dan iktar u iktar se jogħla. Dan bħalma ġara fl-aħħar tal-istaġun tax-xitwa li għadda. Kompla li, “kaxxa pastard tixtriha €25 u kulma jkun fiha ħamsa. Dan ifisser li kull pastarda tiġini €5. Għidli int kemm tista’ titlob lill-klijent għal din il-pastarda? Dan apparti li bħalissa pastard ta’ Malta lanqas issib tixtrih għax m’hawnx. L-istess il-brokkoli. Fl-aħħar mill-aħħar b’dawn it-tip ta’ prezzijiet, b’mod awtomatiku, il-klijent dejjem ibati”.

Qal li fejn dari l-borma tal-ħaxix kienet il-borma tal-fqar, illum il-ġurnata din saret tas-sinjur. Dan għax, “illum il-fqir bilkemm jilfaħ jixtri l-ħaxix biex jagħmel borma. Kważi kważi jaqbillek tixtri l-fenek. Mela, tixtri pastarda €5 u magħha tixtri kilo qarabagħli li jiġik mal-€4. Dawn diġà ġewk €9. Imbagħad, tixtri ftit karrotti u ftit patata. Din il-borma ħaxix titlagħlek xi €17. Mela awtomatikament, jaqbillek tixtri fenek”.

Sajf ħażin b’ħafna rimi u telf ta’ flus

Jirriżulta li dan is-sajf, għal għadd ta’ bejjiegħa bħalu kien staġun ħażin għax ma kienx hawn frott ta’ Malta. “Ma kien hawn kważi xejn u daħal ix-xogħol ta’ barra li, minħabba l-iskarsezza lokali, kien għoli fil-prezz ukoll. Min-naħa l-oħra, minħabba s-sħana qawwija tispiċċa tarmi kuljum. Jekk xtrajt il-ħawħ bi €3-il kilo u ħadt kaxxa ta’ 10 kilos u minnha narmi kilo, hemm inkun tlift €3. Ikollok ħafna hekk għax għandna r-riħ isfel, sħana kontinwa li ma tieqaf xejn u tispiċċa tarmi,” kompla dan il-bejjiegħ fit-Tramuntana ta’ Malta. 

Huwa jemmen li r-riħ isfel huwa ħażin għal kollox u dan anke meta tarma x-xogħol. B’kaboċċa f’idu qalilna li, “inġiblek eżempju bil-kaboċċi. Jekk ma tbigħx, ma tieħu xejn. Dan għax tibda ssibha sewda minn ġewwa jew bid-dud jew mitt elf ħaġa oħra. Mhux imbilli noqogħdu ngħidu fuq il-bexx għax illum il-ġurnata nitkellmu dejjem fuq l-organiku. Vera li għandu jkun hemm limitu u jeżisti bexx organiku imma, fl-aħħar mill-aħħar, jekk ma tbexx, ma tieħu xejn”. 

Il-prodott Malti huwa tajjeb aktar imma ikrah fid-dehra…

Min-naħa tiegħu huwa qal li l-prodott ta’ Malta huwa tajjeb u ġenwin imma “fil-għajn huwa ikrah. Jiġi fuqek klijent li jgħidlek li ma jridx ta’ Malta għax ikrah. Min ma jkunx jifhem jgħidlek jien is-sabiħ irrid. Is-sabiħ huwa ta’ barra”. 

Hawn għal darb’oħra ġab l-eżempju tal-kaboċċa fejn dik ta’ Malta tista’ tiekolha nejja u meta ssajjarha tinħall daqskemm hija prodott ġenwin. “Mentri, meta tixtri kaboċċa ta’ barra jekk tmur tipprova tikolha, qisek qiegħed tiekol biċċa ġilda u jekk issajjarha qisek qiegħed tiekol qiegħ ta’ żarbun. Għall-kwalità dak li jkun ikollu jħallas iżjed. Jekk trid prodott tajjeb se tħallas iktar u x-xogħol se jkun ikrah imma fit-tjubija l-prodott Malti hemm qiegħed. Sfortunatament, però, kif qegħdin ngħidu, l-ewwel tiekol l-għajn u mbagħad hemm il-kwistjoni tal-prezz,” temm dan il-bejjiegħ.

Sport