Djar mingħajr provvista tal-elettriku, toroq magħluqin, karozzi maħbutin filwaqt li ġew ikkanċellati diversi titjiriet u twaqqfu s-servizzi tal-ferroviji. Din hi s-sitwazzjoni li tikkaratterizza dak li għaddej bħalissa fir-Renju Unit hekk kif fis-sigħat li għaddew, dan il-pajjiż intlaqat minn temp estrem u silġ qawwi.
Minħabba f’din is-sitwazzjoni, bosta djar ġewwa l-Midlands, l-Lbiċ tal-Ingilterra u South Wales, inklużi Birmingham, Bristol u Cardiff spiċċaw mingħajr provvista ta’ elettriku.
Min-naħa tiegħu, l-ajruport issospenda l-operazzjonijiet għal xi sigħat minħabba dan it-temp ta’ sfida. Kelliem għall-istess ajruport qal li l-ħaddiema tal-ajruport kienu qed jaħdmu qatigħ biex ineħħu s-silġ.
Min-naħa tagħhom, il-Pulizija f’Wiltshire qalet li t-temp kien kkawża kaos anke f’diversi toroq, bil-Pulizija ta’ Cumbria tirċievi ammont sostanzjali ta’ rapporti fejn seħħew diversi inċidenti u anke li kellhom jingħalqu bosta toroq.
Il-midja internazzjonali rrappurtat li t-twissijiet tat-temp li nħarġu nhar il-Ħamis li għadda, huma mistennija li jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Jannar, liema informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-pajjiż.