L-Erbgħa, 03 ta’ Awwissu – Is-Sur Simon Zammit, Kap Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta llum ippreżenta donazzjoni ġeneruża lill-Optimist Club of Malta, donazzjoni li se tintuża għall-finanzjament ta’ diversi proġetti ambizzjużi ta’ din l-organizzazzjoni.
Optimist Club of Malta jifforma parti minn Optimist International, li hija rikonoxxuta madwar id-dinja bħala l-organizzazzjoni volontarja ewlenija li tagħti valur lit-tfal kollha u tgħinhom jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
L-iskop ta’ Optimist International, sa mill-bidu tagħha fl-1919, huwa li jiżviluppa l-
ottimiżmu bħala filosofija tal-ħajja li juża l-prinċipji tat-twemmin Optimist billi
jippromwovi u jinkoraġġixxi l-iżvilupp taż-żgħażagħ, u jħaddan it-twemmin li meta
wieħed jagħti ruħu għas-servizz tal-oħrajn, dan se javvanza mhux biss il-benesseri tal-bniedem, imma wkoll il-ħajja tal-komunità u d-dinja.
Fuq livell lokali, l-Optimist Club of Malta fl-2021, nieda l-proġett ‘Ikber Magħna’ li
għandu l-għan li jassisti lit-tfal tal-iskejjel primarja, ta’ bejn it-8 u l-10 f-għajnuna fl-istudji u l-homework tagħhom.
Isiru wkoll attivitajiet edukattivi barra l-kurrikulu, bil-għan li dawn it-tfal jiffjorixxu lil hinn mill-ħin tal-iskola u jingħataw esperjenzi ta’ valur ta’ bini tal-karattru, li
jgħinuhom sew fil-futur.
Permezz ta’ numru ta’ kollaborazzjonijiet ma’ diversi Kunsilli Lokali, il-proġett ‘Ikber Magħna’ kien suċċess u matul ix-xhur li għaddew kiber fil-popolarità kemm mat-tfal ta’ dawn il-lokalitajiet, kif ukoll mal-ġenituri u l-kustodji tagħhom.
Għal din il-preżentazzjoni attendew ukoll is-Sinjura Stephanie Galea, Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju u l-Marketing tal-Borża ta’ Malta u s-Sinjura Rita Micallef, li bħala Segretarja, irrappreżentat lill-Optimist Club ta’ Malta.