Wednesday, December 25, 2024

Il-BOV bi profitt ta’ €22 miljun għall-ewwel kwart tas-sena

- żieda ta’ €12.7 miljun fi qligħ meta mqabbel mal-profitt li kellhom is-sena l-oħra fl-istess perjodu

Aqra wkoll

Il-Grupp BOV ħabbar qligħ qabel it-Taxxa ta’ €22.0 miljun għall-ewwel tliet xhur tal-2022, żieda ta’ €12.7 miljun meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2021. Dan tħabbar miċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina, fil-preżenza tas-CEO Rick Hunkin u s-CFO Izabela Banas waqt konferenza stampa li saret online.

Dan it-titjib jirrifletti l-irkupru li għadu għaddej, iżda għadu mhux komplut, mill-pandemija tal-COVID-19, sostnut ulterjorment b’attività ekonomika inkoraġġanti. Minkejja dan, il-Grupp qed jantiċipa riskji li qed jevolvu li ħerġin mill-instabbiltà ġeo-politika li potenzjalment jistgħu jkollhom impatt fuq l-ekonomija lokali u n-negozju tal-Bank. Minħabba dawn l-iżviluppi, il-Grupp qed iżomm prospetti kawti, speċjalment fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu lejn il-proviżjonijiet tal-kreditu, bil-prestazzjoni tal-ewwel tliet xhur mhux neċessarjament rappreżentattiva tal-prestazzjoni tas-sena sħiħa tal-2022.

Id-dħul tal-Grupp matul l-ewwel kwart tal-2022 ammonta għal €58.4 miljun, żieda ta’ 5% fuq l-istess perjodu fl-2021. Dan prinċipalment ġej minn tkabbir konsistenti fis-self, partikolarment fil-qasam tas-self għad-djar, flimkien ma’ żieda fid-dħul mill-pagamenti u n-negozju bil-cards.

L-ispejjeż tal-operat għall-ewwel tliet xhur żdiedu bi 3% meta mqabbla mal-istess perjodu matul l-2021. Dan huwa prinċiparjament attribwibbli għal spiża akbar ta’ kumpens lill-impjegati, xprunata miż-żieda fin-numru tal-ħaddiema, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-Grupp għall-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti (Depositor Compansation Scheme) marbuta ma’ livelli ogħla ta’ depożiti tal-klijenti. L-investiment fl-Istrateġija BOV2023 kompla b’enfasi partikolari fuq it-trasformazzjoni tal-proċessi tagħna u t-titjib tal-esperjenza tal-klijenti, għalkemm b’pass relattivament aktar kajman minħabba impenji regolatorji speċifiċi filwaqt li komplejna ninvestu fit-tisħiħ tal-governanza tar-riskju u tal-kontrolli.

Reġġajna lura s-somma ta’ €7.0 miljun min-net Expected Credit Losses (ECL) li kkontribixxew għall-profittabbiltà fl-ewwel kwart tal-2022. Dan jirrifletti ċirkostanzi ekonomiċi aktar favorevoli, li affettwaw b’mod pożittiv il-prestazzjoni mistennija ta’ setturi speċifiċi u skoperturi individwali sinifikanti flimkien ma’ pożizzjonijiet ta’ kollateral aħjar. Barra minn hekk, ittieħed ħlas ta’ €4.8 miljun f’dan l-ewwel kwart tas-sena fir-rigward ta’ self li ilu ma jrendi għal tul ta’ żmien, li jappoġġja l-approċċ prudenti tal-Grupp. Il-Bank ikompli jivvaluta b’mod attiv it-telf mistenni mill-kreditu tiegħu hekk kif jevolvu l-prospetti ekonomiċi.

Is-sehem tal-Bank mill-kumpaniji assoċjati tal-assigurazzjoni naqas materjalment meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021 xprunat fil-biċċa l-kbira minn prospetti futuri aktar kawti li jaffettwaw ir-riżultat tal-mudelli attwarjali.

Is-self nett u l-avvanzi lill-klijenti żdiedu bi 2% matul l-ewwel kwart tal-2022. Ġie rappurtat tkabbir kemm fis-self għan-negozju kif ukoll għad-djar, b’dan tal-aħħar ikun il-mutur ewlieni. Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’1% matul il-perjodu, l-aktar f’depożiti għal terminu qasir.

Matul it-tieni tliet xhur tal-2022, il-Bank beħsiebu jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu tal- Minimum Requirement for Own Funds and Eligible Liabilities (‘MREL’) f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji. Il-ħruġ ippjanat ta’ Senior Preferred Bond fis-suq internazzjonali se jkun immirat biex nilħqu l-mira MREL tagħna għall-futur prevedibbli.

Strateġija BOV 2023

L-istrateġija tad-diġitalizzazzjoni tal-Bank qed tevolvi bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-adozzjoni ta’ proċessi aktar sempliċi bil-ħsieb li tiżdied l-effiċjenza u l-eżattezza. B’mod partikolari, il-proċessi sħaħ wara żewġ servizzi lill-kijenti ewlenin, jiġifieri s-self għad-djar u servizzi ta’ investiment, komplew jgħaddu minn simplifikazzjoni estensiva u id-diġitalizzazzjoni f’dawn l-aħħar xhur permezz ta’ proċessi diġitali simplifikati se jkomplu jiffokaw fuq il-klijent u joffrulu esperjenza aħjar. 

Il-Bank jibqa’ impenjat sabiex kontinwament itejjeb is-servizz offrut permezz tal-firxa estensiva tal-fergħat tiegħu, billi jtejjeb l-ambjent tax-xogħol għall-impjegati tiegħu, filwaqt li jsaħħaħ l-esperjenza tal-klijent bi tqassim modern tal-fergħat bil-għan li jnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija u jżid il-privatezza. Wara l-inawgurazzjoni tal-fergħa f’Tas-Sliema fl-2021, l-immodernizzar tan-netwerk tal-fergħat kompla jimxi b’ritmu mgħaġġel b’rinnovamenti jitlestew fil-fergħat ta’ Raħal Ġdid, is-Siġġiewi u ż-Żurrieq.

Ir-ritmu tal-bidla trasformazzjonali jkompli jkun ibbilanċjat b’mod kritiku bl-obbligu tal-Bank li jagħti kontrolli superjuri f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji.Għal dan il-għan, il-Bank ikompli jinvesti bil-kbir fit-tisħiħ u d-diġitalizzazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Riskju, Konformità u Verifika.Dan l-investiment jippermetti lill-BOV biex jibqgħu reżiljenti u sostenibbli filwaqt li qed jiġu ddedikati sforzi sinifikanti biex jimminimizzaw kwalunkwe impatt negattiv fuq il-klijenti.

Konflitt Russja/Ukrajna

Il-Bank qed ikompli jsegwi u jivvaluta l-iżviluppi ġodda għal impatt potenzjali fuq il-pożizzjoni tal-Bank u l-kwalità tal-assi wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna aktar kmieni din is-sena.

Il-Bank mhuwiex espost, b’mod sinifikanti għar-Russja jew ċittadini Russi fejn jidħol self.  Barra minn hekk, l-iskoperturi li ġejjin mill-Ukrajna, jew il-pajjiżi li jmissu magħha huma wkoll baxxi u insinifikanti meta mqabbla mal-portafoll totali tas-self.

Il-Bank qed jirrevedi mill-qrib l-effetti ekonomiċi u kummerċjali possibbli peress li kemm ir-Russja kif ukoll l-Ukrajna huma esportaturi globali ewlenin, f’oqsma bħall-enerġija, il-metalli u l-frott tal-art. Ir-rabtiet kummerċjali diretti ta’ Malta maż-żewġ pajjiżi huma żgħar u kkonċentrati fuq prodotti speċifiċi. Madankollu, l-effetti indiretti, li joħorġu mid-dinamika tal-prezzijiet tal-prodotti nnegozjati fis-swieq internazzjonali, kif ukoll id-dipendenza ekonomika tal-imsieħba kummerċjali l-oħra ta’ Malta fuq ir-Russja u l-Ukrajna, jagħmlu dan ix-xokk negattiv fil-provvisti ta’ rilevanza diretta għan-negozji u l-familji f’Malta.

Konsegwentement, il-Bank wettaq valutazzjoni tal-impatt biex ikejjel l-impatt indirett tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq dawk is-setturi li jistgħu jintlaqtu minħabba xkeil fil-provvista ta’ numru ta’ riżorsi jew materjali. Il-Bank għamel simulazzjoni ta’ tliet xenarji b’livell ta’ severità differenti, u huwa sodisfatt li anke fl-aktar xenarju stressanti minn dawn il-Bank ikun kapaċi jassorbi l-impatt negattiv. Is-sitwazzjoni se tkompli tkun segwita mill-viċin minħabba l-possibbiltà li s-sitwazzjoni li għadha fluwida u potenzjalment tista’ tkompli tmur għall-agħar.

Ekonomija

Sport