Tuesday, December 24, 2024

Il-BOV b’telf qabel it-taxxa li jammonta għal €55.7 miljun

Eskluż il-każ tad-Deiulemar, il-profitt matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena kien jammonta għal €47.8 miljun

Aqra wkoll

Il-Grupp Bank of Valletta llum ħabbar ir-riżultati finanzjarji għall-perjodu bejn Jannar u Settembru tal-2022, fejn irrapporta telf qabel it-taxxa li jammonta għal €55.7 miljun. Eskluż l-effett tal-ħlas relatat mal-każ tad-Deiulemar f’Mejju ta’ din is-sena, il-profitt matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena kien jammonta għal €47.8 miljun, żieda ta’ 3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Il-Bank irrapporta tkabbir kontinwu fl-attivitajiet bankarji ewlenin tiegħu, bid-dħul ewlieni juri prestazzjoni kummerċjali mtejba. Id-dħul għall-ewwel disa’ xhur tal-2022 kien ta’ €202.3m. Dan juri  titjib ta’ 16.8%, li jirrifletti ż-żieda fir-rati tal-imgħax taż-Żona Ewro flimkien ma’ żieda fil-volumi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fis-self għad-djar, kards, u pagamenti.

L-ispejjeż operattivi żdiedu b’madwar 6.7% meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2021. Din iż-żieda kienet fil-biċċa l-kbira minħabba rekwiżiti ta’ kapital uman f’oqsma speċjalizzati, tkabbir fis-salarji medji, u l-kontribuzzjoni tal-Grupp għall-Iskema ta’ Kumpens tad-Depożitanti. Il-ħtieġa għal appoġġ speċjalizzat estern mhux rikorrenti relatat mal-Ambjent, Soċjali u Governanza (ESG) ikkontribwixxa wkoll għat-tkabbir fl-ispejjeż. 

Ħlas ta’ indeboliment nett ta’ €10.1 miljun sa tmiem it-tielet kwart tal-2022, ikkunsidra r-riskji li qed jevolvu kaġun tal-instabilità ġeo-politika, li wasslu għal inflazzjoni ogħla u tkabbir aktar baxx tal-Prodott Gross Domestiku ibbażat fuq tbassir ippubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Il-Bank se jkompli jevalwa b’mod attiv it-telf tal-kreditu mistenni hekk kif jevolvu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi.

Ir-riżultati minn attività relatata mal-qasam tal-assigurazzjoni naqsu b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021, primarjament kaġun tal-volatilità tas-swieq finanzjarji globali.

Sabiex jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji li jappartjenu għall-MREL, il-Bank kiseb l-approvazzjoni mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda għal prospett bażi sabiex jiġi stabbilit Euro Medium Note Programme fl-ammont massimu ta’ €500 miljun. Dawn se jiġu offruti fl-international debt capital markets permezz tal-intermedjazzjoni ta’ Credit Suisse (Europe) S.A. u UBS Europe SE, li jaġixxu bħala arranġaturi u negozjanti konġunti. Il-ħruġ ta’ dawn il-bonds se jippermetti wkoll lill-Bank iżid is-self tiegħu u jespandi l-orizzonti ta’ investiment fl-operat finanzjarju tiegħu.

“Il-BOV qed ikompli jimxi b’pass sod” – Dr Gordon Cordina, Chairman tal-BOV

Meta ħabbar ir-riżultati, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, stqarr li dawn ir-riżultati qed ikomplu juru l-progress tal-Bank, biż-żieda fid-dħul xhieda tal-isforz li qed isir biex il-Grupp ikompli jitmexxa fit-triq it-tajba. Dawn ir-riżultati għal darb’oħra jindikaw li l-prestazzjoni tal-Bank għadha b’saħħitha fl-attivitajiet ewlenin tiegħu.

Dr Cordina irrifletta fuq l-iżviluppi ekonomiċi lokali u stqarr li, “fl-aħħar tliet xhur, l-ekonomija Maltija reġgħet kisbet momentum ekonomiku pożittiv, ikkaratterizzat minn tkabbir qawwi tal-Prodott Gross Domestiku reali, li ġab ir-rata tal-qgħad għal livelli storikament baxxi. L-irkupru fit-turiżmu, li kien l-aktar settur milqut matul il-pandemija tal-COVID-19, ukoll miexi tajjeb din is-sena. Madankollu, ġie esperjenzat xokk ekonomiku globali kbir ieħor, li hija ż-żieda fl-inflazzjoni. Dan ix-xokk laqat lill-pajjiż f’dawn l-aħħar xhur, iżda l-impatt tiegħu ġie parzjalment imtaffi permezz tad-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, u dan minkejja ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet barra minn xtutna kkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-Gvern investa aktar fondi biex ikompli jerfa’ l-ispiża tal-enerġija biex isostni l-familji u n-negozji f’Malta. Din hija soluzzjoni temporanja u minn perspettiva ta’ ġestjoni tar-riskju jkun prudenti li tiġi antiċipata l-eventwalità li ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija jistgħu jippersistu fit-tul”.

Dr Cordina kkummenta wkoll dwar żvilupp sinifikanti ieħor; id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jibda jżid ir-rati tal-imgħax. “Dan kien ta’ ġid għal Bank peress li m’għadux iħallas imgħax negattiv meta jiddepożita l-likwidità żejda tiegħu. Il-Grupp se jkompli jevalwa s-sitwazzjoni, kif ukoll l-azzjonijiet tal-banek ewlenin l-oħra f’Malta, bil-għan li jinstab l-aħjar bilanċ fost l-istakeholders tiegħu meta jistabbilixxi l-istruttura tar-rati tal-imgħax. Is-sitwazzjoni ta’ likwidità b’saħħitha tgħin biex jiġi żgurat li kwalunkwe bidla futura tkun immexxija tajjeb u b’mod gradwali”.

“Prestazzjoni kummerċjali inkoraġġanti” – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV

Kenneth Farrugia dan l-aħħar inħatar bħala l-Kap Eżekuttiv u Direttur Eżekuttiv tal-Bank, wara li rċieva l-approvazzjoni regolatorja. Matul l-ewwel intervent tiegħu fit-tħabbir tar-riżultati tal-Grupp bħala Kap Eżekuttiv, huwa kkummenta dwar it-tkabbir kontinwu tal-Bank fl-attivitajiet bankarji ewlenin tiegħu. “Minkejja l-impatt negattiv tal-każ tad-Deiulemar, in-negozju ewlieni jibqa’ wieħed b’saħħtu ħafna kif jidher mit-tkabbir sostnut fid-dħul, li jinkludi kemm dħul mill-imgħax kif ukoll dħul ieħor li mhux derivat mill-imgħax. In-negozju tal-Bank fil-qasam tas-Self żdied b’5.8% matul il-perjodu, sostnut minn tkabbir kemm fl-oqsma tas-self għan-negozji kif ukoll f’dak għall-konsumatur. Barra minn hekk, irreġistrajna żieda ta’ 4% fid-depożiti, primarjament xprunata minn tkabbir f’depożiti f’kontijiet kurrenti u ta’ tfaddil, meta mqabbla ma’ Diċembru tal-2021. Il-Bank se jintensifika l-attenzjoni tiegħu fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi tiegħu permezz ta’ diversi inizjattivi li l-Bank se jkun qed jieħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Dawn ir-riżultati jawguraw tajjeb għat-triq lejn futur isbaħ għall-Bank.”

Meta tkellem dwar l-istrateġija tal-Bank, is-Sur Farrugia ikkummenta dwar il-programm ta’ trasformazzjoni li huwa essenzjali biex isostni u jtejjeb ir-riżultati miksuba s’issa. “Il-programm ta’ trasformazzjoni tagħna huwa ċċentrat madwar erba’ kwadranti ewlenin li jduru madwar it-titjib  fl-esperjenza li noffru lill-klijent, filwaqt li fl-istess ħin inkomplu nagħtu valur miżjud lill-istess klijenti.  Jeħtieġ li ntejbu l-proċessi u l-proċeduri tagħna b’tali mod li nilħqu mudell operattiv diġitali u effettiv. Se naħdmu biex  insaħħu l-funzjoni u l-kontrolli tal-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll ninvestu u niżviluppaw il-kapital uman sabiex nilħqu l-esiġenzi tan-negozju u tal-klijenti tagħna. L-inizjattivi f’kull kwadrant se jkunu appoġġjati minn inizjattivi strateġiċi Diġitali u tad-Data, fejn dejjem inżomu quddiem għajnejna kunċetti prinċipali relatati mal-ESG biex tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul tan-negozju tagħna”.

Is-Sur Farrugia kompla jgħid li matul il-perjodu taħt reviżjoni, il-Bank nieda diversi inizjattivi ta’ reinġinerija u awtomazzjoni; bħall-introduzzjoni tal-ewwel Robotic Process Automation biex tittejjeb l-effiċjenza interna, u l-open-source search screening għall-klijenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ proċess diġitali sabiex jiġi mtejjeb il-mod ta’ kif il-klijenti jiġu kkuntattjati lura. Barra minn hekk, il-Bank nieda wkoll soluzzjoni diġitali għas-self fuq id-djar li hija l-ewwel soluzzjoni diġitali tax-xorta tagħha f’Malta. Permezz ta’ dan  il-portal diġitali innovattiv, il-klijenti jistgħu jieħdu stima ta’ kemm jistgħu jissellfu mill-Bank u wkoll jipproċessaw l-applikazzjoni għas-self fuq id-dar kompletament b’mod diġitali mill-kumdità ta’ darhom”.

Inkorporazzjoni ta’ Prinċipji ESG

Fir-rimarki finali tagħhom, kemm Dr Cordina kif ukoll is-Sur Farrugia kkummentaw dwar l-importanza tal-ESG għall-Bank of Valletta. Matul l-2022, ir-riskji tal-Klima u l-Ambjent (C&E) irċevew aktar attenzjoni, peress li jikkostitwixxu sors sinifikanti ta’ riskju għall-karta tal-bilanċ tal-Bank u wkoll minħabba l-impatt potenzjali li dan ir-riskju jista’ jimponi fuq l-ekonomija Maltija. Il-Bank kompla l-monitoraġġ tar-riskju ambjentali tiegħu u kkummissjona verifika tal-enerġija u valutazzjoni tal-carbon footprint. Barra minn hekk, il-Bank ingħaqad mal-Malta ESG Alliance, pjattaforma maħsuba biex tħeġġeġ lill-kumpaniji jimmotivaw negozji u stakeholders oħra biex huma wkoll jimxu għal kunċett tad-de-karbonizzazzjoni u jilħqu l-miri ESG tagħhom. L-approċċ tal-BOV għas-sostenibbiltà ESG bħalissa huwa rifless fl-istrateġija tiegħu approvata reċentement, li tintegra l-pożizzjoni tal-Bank u tistabbilixxi pjan għall-perjodu ta’ bejn l-2022 u l-2024.

Dr Cordina u s-Sur Farrugia rringrazzjaw lill-azzjonisti tas-sostenn kontinwu tagħhom, kif ukoll lit-Tim Eżekuttiv u l-istaff tal-Bank għax-xogħol siewi tagħhom, u temmew billi esprimew il-gratitudni tagħhom għas-servizz mogħti minn Rick Hunkin fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv matul l-aħħar tliet snin, speċjalment għall-governanza u titjib fit-trasformazzjoni miksuba f’ċirkostanzi straordinarjament u diffiċli, fl-istess waqt li awgurawlu kull suċċess għall-karriera professjonali tiegħu.

Ekonomija

Sport