Fit-Tielet Edizzjoni tal-Malta Business Awards li saret f’Novembru, il-Bank of Valletta rebaħ żewġ premji prestiġjużi li jenfasizzaw l-impenn kontinwu tiegħu li jħalli impatt soċjali pożittiv filwaqt li jippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-attivitajiet tas-CSR.
Gold Award għall-Innovazzjoni Ambjentali: Inizjattiva Rebbiegħa
L-Inizjattiva Rebbiegħa tal-BOV kisbet il-premju tad-deheb taħt il-kategorija Project Green. Din l-inizjattiva turi l-impann tal-BOV bħala ċittadin attiv fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà. Il-qofol ta’ dan il-programm kien il-kollaborazzjoni tal-Bank ma’ Nature Trust. Din hija organizazzjoni li tiffoka fuq il-konservazzjoni tal-fkieren. Dan il-programm jinkludi sistema ta’ traċċar innovattiv bis-satellita, u l-iżvilupp ta’ tankijiet speċjali biex tiġi salvagwardjata l-eżistenza ta’ dawn il-kreaturi.
Charles Azzopardi, Head CSR and Events, ikkummenta, “Il-programm Rebbiegħa tal-Bank juri kif prattiċi sostenibbli jistgħu jwasslu għal impatt reali u għat-tul, filwaqt li juri l-impenn tal-BOV li jipproteġi l-wirt naturali u l-bijodiversità ta’ Malta. Ir-rebħa tal-premju tad-deheb f’din il-kategorija hija rikonoxximent tad-dedikazzjoni tagħna li nixprunaw l-innovazzjoni ambjentali billi nimpenjaw ruħna ma’ organizzazzjonijiet li verament jipprattikaw il-valur tas-sostenibbiltà. Il-kollaborazzjoni ma’ Nature Trust huwa biss wieħed mill-pilastri tal-Inizjattiva Rebbiegħa, li hija mfassla madwar sforzi kollaborattivi ma’ numru ta’ NGOs oħra li se naraw fiż-żmien li ġej.”
Premju tal-Fidda għall-Impatt Soċjali: Inizjattiva tal-Volontarjat
Il-Silver Social Impact Award jiċċelebra l-Inizjattiva tal-Volontarjat tal-BOV, li tagħti lok lill-impjegati iqattgħu ħin iwettqu xogħol volontarju għall-benefiċċju ta’ komunitajiet lokali. Permezz ta’ dan il-programm, kull impjegat tal-BOV jingħata ġurnata għas-servizz volontarju, u b’hekk ikun jista’ jgħin NGOs iffukati fuq l-ambjent, it-trattament xieraq tal-annimali, u kawżi soċjali. Sa mit-tnedija ta’ din l-inizjattiva, l-impjegati pparteċipaw fit-tħawwil tas-siġar, fit-tindif, u f’attivitajiet li jgħinu nies vulnerabbli, inkluż assistenza lit-tfal fil-kura, kif ukoll għajnuna għax-xelters tal-annimali.
Ray Debattista, Chief People & Culture ikkummenta dwar kif din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-BOV li jrawwem l-inklużjoni soċjali u jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva. “L-Inizjattiva tal-Volontarjat tagħna hija xhieda tat-twemmin tal-Bank fis-saħħa tal-komunità. Dan il-premju jirrifletti mhux biss l-impatt tal-isforzi tagħna, iżda wkoll id-dedikazzjoni u l-kompassjoni tal-impjegati tagħna.”
Hekk kif il-BOV jiċċelebra l-50 anniversarju tiegħu, dawn il-premjijiet jenfasizzaw l-isforz tal-Bank fuq is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali. Kemm l-Inizjattiva Rebbiegħa, kif ukoll l-Inizjattiva tal-Volontarjat jinkorporaw il-viżjoni tal-Bank li joħloq bidla posittiva li testendi lil hinn mis-servizz finanzjarju.