Wednesday, July 24, 2024

Il-BOV ibigħ portafoll ta’ self li ma jrendix

... Il-Bank ikompli jsaħħaħ il-kapital u l-likwidità tiegħu

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta llum ħabbar li, wara reviżjoni strateġika tal-ktieb tiegħu ta’ self li ma jrendix, biegħ portafoll ta’ self li ma jrendix (il-“Portafoll”) għal ammont ta’ €26 miljun bil-ħsieb li jsaħħaħ il-kapital tal-Bank u l-likwidità tiegħu, kif ukoll biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-Bank ikunu ffukati fuq is-self bi prospett aħjar ta’ rkupru.

B’appoġġ minn konsulenti esterni, il-Bank għażel il-Portafoll billi għamel użu minn kriterji definiti. Il-Portafoll huwa magħmul minn 707 self li ma jrendix (“NPLs”) mqassma fuq 245 individwi jew kumpaniji, li l-maġġoranza tagħhom ingħataw self kummerċjali biex jiffinanzjaw attivitajiet ta’ negozju f’numru ta’ industriji differenti.

Il-Portafoll jinkludi wkoll self personali, self bil-kards ta’ kreditu, self għad-djar, kreditu fuq kontijiet ta’ tfaddil u kurrenti, u djun oħra. Il-Portafoll huwa preġudikat b’mod sinifikanti lejn self u faċilitajiet li ilhom ma jiġu mħallsa għal perjodu twil ta’ żmien, b’90% tal-Portafoll magħmul minn self u faċilitajiet li ilhom ma jitħallsu b’mod regolari għal ħames snin jew aktar.

L-għan primarju tat-transazzjoni huwa li jiġġenera dħul minn NPLs li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, sar provvediment finanzjarju kontrihom fis-snin preċedenti. Il-valur nett attwali tal-Portafoll irrappurtat fil-karta tal-bilanċ tal-Bank huwa ta’ madwar €5 miljun.

F’dan ir-rigward, it-transazzjoni mistennija li jkollha impatt pożittiv ta’ madwar €18-il miljun fuq il-profitabbiltà tal-Bank għas-sena finanzjarja 2023, li tirrappreżenta d-differenza bejn it-telf ta’ kreditu mistenni akkumulat (proviżjonijiet) u t-telf attwalment irreġistrat wara t-transazzjoni.

L-ammont ta’ €18-il miljun irreġistrat fl-2023 huwa nett minn provvediment ta’ €2 miljun li jirrappreżenta obbligazzjonijiet potenzjali li jirriżultaw mid-dritt tal-akkwirent li jagħmel talba għal kumpens taħt ċerti ċirkostanzi speċifiċi f’termini tal-ftehim ta’ assenjazzjoni.

It-transazzjoni se ttejjeb ukoll il-proporzjon tal-NPLs tal-Bank f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji, billi ssegwi aktar mill-qrib prattici ta’ banek Ewropej tal-istess daqs.

Barra minn hekk, it-transazzjoni mistennija tagħti benefiċċji oħra lill-Bank, bħal titjib fil-kwalità tal-assi tal-portafoll ta’ kreditu, kif ukoll tneħħi l-ħtieġa għal aktar provvedimenti kontra dawn id-djun. It-transazzjoni se ttejjeb ukoll l-effiċjenza operattiva tal-Bank minħabba rilaxx ta’ riżorsi li bħalissa huma ddedikati għall-proċessi twal ta’ ġbir ta’ dejn, proċeduri fil-qorti u l-ġestjoni kontinwa tal-kollateral miżmum mill-Bank, inkluż id-disponiment eventwali tagħhom.

Il-Portafoll inbiegħ permezz ta’ assenjazzjoni lil kumpanija pubblika reġistrata f’Malta stabbilita bħala kumpanija tat-tip securitisation cell skont ir-Regolamenti dwar il-Kumpaniji tat-tip Securitisation Cell (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.16, liġijiet ta’ Malta). Bħala riżultat tat-transazzjoni, l-akkwirent issostitwixxa lill-Bank bħala kreditur fir-rigward tal-NPLs rilevanti.

‘Mistoqsijiet u tweġibiet’ b’relazzjoni mat-trasferiment ta’ self li ma jrendix mill-Bank of Valletta lil persuni terzi

X’inhuwa self li ma jrendix?

Self li ma jrendix huwa self, fejn min jissellef ma jkunx għadu qed iwettaq pagamenti regolari fuq is-self u għaldaqstant ma jkunx qed jissodisfa l-parametri miftiehma. Dan jista’ ikun minħabba varjetà ta’ raġunijiet inklużi, iżda mhux limitati, għal sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet finanzjarji jew falliment ta’ negozju.

Il-Bank of Valletta jikkunsidra self bħala wieħed li ma jrendix meta jkun seħħ wieħed jew iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(i)  Ħlasijiet li ma seħħewx kif stipulat f’perjodu ta’ 90 jum jew aktar.

(ii) Id-debitur ġie meqjus li mhux probabbli li jħallas l-obbligi ta’ kreditu tiegħu b’mod sħiħ mingħajr ma jiġu likwidati l-assi offruti bħala garanzija tal-ħlas.

X’tip ta’ self qed jittrasferixxi l-Bank of Valletta?

Bl-għajnuna ta’ esperti esterni, il-Bank of Valletta (il-“Bank”) segwa proċess rigoruż fl-għażla tal-kontijiet ta’ self għall-portafoll (il-“Portafoll”) li se jiġi trasferit, bl-użu ta’ kriterji preskritti. Fil-każijiet kollha, il-Bank ipprova diversi metodi f’diversi okkażjonijiet matul iż-żmien sabiex jirkupra id-dejn u għad m’hemmx pjan ċar ta’ ħlas lura mid-debitur. Fil-każijiet kollha, il-Bank jew jinsab involut fi proċedimenti ġudizzjarju kontra d-debitur jew inkella qed jipprepara biex jidħol f’tali proċedimenti.

Il-Portafoll huwa magħmul minn 707 kontijiet li jinvolvu 245 debitur. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ingħataw self kummerċjali biex jiffinanzjaw attivita’ f’numru ta’ industriji differenti. Il-Portafoll jinkludi kontijiet ta’ self personali, karti ta’ kreditu, self fuq djar, kontijiet ta’ tfaddil u kontijiet kurrenti li għandhom bilanċ negattiv. Il-Portafoll huwa preġudikat b’mod sinifikanti lejn self li ilu ma jitħallas għal żmien twil, b’90% tal-Portafoll magħmul minn kontijiet li ma rendewx għal ħames snin jew aktar. 

Il-Bank lil min se jitrasferixxi dan is-self li ma jrendix?

F’dan il-każ, il-Bank of Valletta se jkun qed jittrasferixxi l-Portafoll lil entitata terza irreġistrata f’Malta bħala securitisation cell (l-akkwirent) u t-tranżazzjoni (“it-Tranżazzjoni”) se tkun iffinanzjata minn fond ta’ investiment, stabbilit f’Malta u liċenzjat mill-MFSA biex jinvesti fl-akkwist ta’ assi ta’ dan it-tip. Il-fond se jkun immexxi minn maniġer ta’ fond (fund manager) li huwa regolat mill-MFSA skont id-Direttiva dwar l-Immaniġġjar ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv.

L-akkwirent intgħażel wara proċess definit li fih ħadu sehem kumpaniji professjonali li joperaw fil-qasam tas-self li ma jrendix. L-akkwirent intgħażel mill-Bank abbażi tal-offerta sottomessa għall-akkwist tal-Portafoll, u wara skrutinju estensiv.

Jekk self għal dar, self personali, self bil-karta ta’ kreditu jew self għan-negozju jonqos minn ftit ħlasijiet għal raġunijiet ġustifikabbli, il-Bank se jittrasferixxi r-relazzjoni lill-parti oħra?

Jekk ikun hemm nuqqas ta’ ħlas, il-Bank javviċina lill-klijent wara ftit jiem minn meta jinqabeż pagament biex jinvestiga r-raġunijiet. Klijenti li għandhom ftit pagamenti b’lura jingħataw iċ-ċans li jiġu konformi. Jekk il-klijent ikollu kwistjonijiet fit-tul, li f’għajnejn il-Bank huma ġustifikati, il-Bank jagħti lill-klijent skeda ġdida ta’ ħlas lura, inaqqas l-ammont li għandu jitħallas fuq kull pagament jew jagħti moratorju skont is-sitwazzjoni tal-klijent. Min-naħa l-oħra, jekk il-Bank tilef il-komunikazzjoni mal-klijent jew il-klijent ma jkunx qed jikkopera, il-Bank jista’ jitlob ħlas immedjat tal-faċilitajiet kollha wara 90 jum mill-ewwel pagament li ma jkunx tħallas. Anke lil hinn minn dan l-istadju, il-Bank ikompli jfittex soluzzjoni li tista’ taħdem, iżda eventwalment sakemm il-klijent ma jaqbilx ma’ pjan ta’ ħlas, il-Bank jkollu jieħu passi legali. Fil-każ ta’ din it-transazzjoni, il-Portafoll jinkludi biss self li ma żammx mal-pagamenti stipulati għal tul ta’ żmien  jew self li f’għajnejn il-Bank, id-debitur m’għandux pjan ta’ ħlas li huwa aċċettabli, jew il-ħlas se jieħu fit-tul u aktar miż-żmien intenzjonat oriġinarjament. 

Kif nista’ nkun naf jekk hux se niġi affettwat?

Il-Bank se jibgħat ittra lill-klijenti milquta li jkun fiha d-dettalji kollha rilevanti. Jekk ma tkunx ikkuntattjat mill-Bank, allura l-kontijiet tas-self tiegħek m’humiex mistennija li se jiġu affettwati minn din it-transazzjoni, u għaldaqstant m’għandekx għalfejn tagħmel kuntatt mal-Bank.

X’se jiġri mir-relazzjoni li l-Bank għandu mad-debituri li s-self tagħhom qed jiġi trasferit?

Mat-tlestija taċ-ċessjoni tal-Portafoll, l-akkwirent se jieħu post il-Bank of Valletta bħala sellief/kreditur fir-rigward tal-kontijiet relevanti. F’dan ir-rigward, hija l-istennija tal-Bank li l-ftehim kollu relevanti ta’ self bejn il-Bank u d-debituri jiġi onorat u mħares mill-akkwirent skond il-liġijiet u r-regolamenti kollha applikabbli f’Malta, u li l-akkwirent jaġixxi b’mod professjonali u jittratta lid-debituri kollha b’mod ġust matul il-proċess tal-irkupru.

Id-debituri li jkunu qed jiġu trasferiti se jkollhom bżonn jikkollaboraw mal-kreditur il-ġdid (jiġifieri, l-akkwirent) biex jesploraw triq ‘il quddiem. It-trasferiment m’għandux jaffettwa l-punteġġ tal-kreditu (credit score) tad-debitur. Il-Bank of Valletta se jibgħat komunikazzjoni lid-debituri milquta mit-trasferiment biex jinfurmahom dwar kif għandhom jikkuntattjaw lill-kredituri l-ġodda.

Din it-transazzjoni se twassal biex il-kontijiet kollha tiegħi jingħalqu?

Il-Bank m’għandux intenzjoni li jieqaf jipprovdi servizzi bankarji oħra bażiċi lill-klijenti li tagħhom se jitrassferixxi il-kontijiet, bħal kontijiet ta’ depożitu u kurrenti, sakemm il-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-kontijiet jibqgħu jiġu rrispettati. Il-Bank jirriserva d-dritt li jittrasferixxi faċilitajiet oħra fil-futur u f’dik l-eventwalità, il-klijent ikun notifikat.

X’informazzjoni se tkun qed tiġi mgħoddija lill-entità ta’ parti terza li tieħu f’idejha dawn il-kontijiet?

Skont l-Avviż ta’ Privatezza tal-Bank, li jista’ jiġi aċċessat billi ssegwi l-link https://www.bov.com/content/privacy, il-Bank se jkun qed jittrasferixxi lill-kreditur il-ġdid l-informazzjoni meħtieġa minn dan tal-aħħar sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu. Matul il-proċess tat-trasferiment, il-Bank se jkompli jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe data personali u jagħti avviż lill-utenti affettwati qabel ma tiġi trasferita data personali.

X’inhi tranżazzjoni ta’ self li ma jrendix u min jixtri dawn l-assi?

Dawn l-assi jistgħu jiġu trasferiti mis-selliefa oriġinali (ġeneralment banek) lil entitajiet terzi. Dan it-trasferiment effettivament jirriżulta li l-entità terza tissostitwixxi l-bank fir-relazzjoni mad-debitur. Kontijiet ta’ self li ma jrendix jistgħu jiġu trasferiti permezz ta’ varjetà ta’ metodi, bħal irkant (ta’ self), negozjati bilaterali ma’ terzi, jew permezz ta’ entitajiet intermedjarji.

Għaliex il-banek jidħlu fi tranżazzjoni bħal din?

It-trasferiment ta’ self li ma jrendix lil entitajiet ta’ partijiet terzi jgħin lill-banek inaqqsu  r-riskju tagħhom u jilliberaw kapital li jista’ jintuża f’oqsma oħra billi jirkupraw parti mill-kapital mitluf tagħhom u jnaqqsu l-provvedimenti futuri fuq dawn il-kontijiet. Huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-banek biex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom u jżommu konformi mar-regoli. Transazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu wkoll għal impatt pożittiv fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu (credit rating) tal-bank involut.

Fil-każ tal-Bank of Valletta, it-trasferiment se jtejjeb il-proporzjon ta’ self li ma jrendix ikkumparat mas-self totali li l-Bank għadda lill-klijenti tiegħu u jiġi aktar konformi mar-rekwiżiti regolatorji u mas-sitwazzjoni li jinsabu fiha banek oħra Ewropej. Barra minn hekk, it-transazzjoni mistennija tagħti benefiċċji oħra lill-Bank, bħal titjib fil-kwalità tal-assi tal-portafoll ta’ kreditu, u b’mod effettiv ittejjeb il-pożizzjoni kapitali tiegħu. It-transazzjoni mistennija jkollha impatt pożittiv ukoll fuq il-profitabilità tal-Bank għas-sena 2023 u fis-snin futuri peress li se tneħħi l-ħtieġa ta’ aktar provvediment kontra dawn id-djun. Din it-transazzjoni se ttejjeb ukoll l-effiċjenza operattiva tal-Bank hekk kif riżorsi li bħalissa huma ddedikati għal proċessi kumplessi ta’ ġbir ta’ dejn, proċedimenti tal-qorti u l-ġestjoni kontinwa tal-garanziji, jistgħu jintużaw fi proġetti oħra. 

Ir-regolaturi tas-servizzi finanzjarji kif iħarsu lejn transazzjoniet bħal dawn?

F’dawn l-aħħar snin, il-bejgħ ta’ self li ma jrendix minn banek Ewropej laħaq għexieren ta’ biljuni ta’ ewro. Dan kien parzjalment imsejjes minn sforzi mmirati minn xi gvernijiet Ewropej biex jiffaċilitaw tali transazzjonijiet f’suq relattivament ġdid. Il-bejgħ ta’ dan is-self huwa meqjus bħala mezz effettiv li bih il-banek jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kapitali tagħhom u jilliberaw riżorsi biex isellfu lil klijenti ġodda u jinvestu f’oqsma oħra tal-bank. It-trasferimenti ta’ dan is-self permezz tal-bejgħ huma kkunsidrati bħala waħda mill-miżuri strutturali meħtieġa biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ self li ma jrendix fil-banek. Fil-fatt, fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sett ta’ linji gwida dwar dawn it-transazzjonijiet.

Il-banek kif jiżguraw it-tlestija b’suċċess ta’ transazzjonijiet bħal dawn?

Il-banek jistgħu jiżguraw trasferiment b’suċċess ta’ tali self billi jwettqu r-riċerka meħtieġa bir-reqqa fuq ix-xerrejja potenzjali, li jkollhom indikazzjoni ċara tal-valur ta’ dawn il-kontijiet ta’ self li ma jrendix, u li jużaw l-esperjenza ta’ konsulenti legali, regolatorji u finanzjarji biex jassistu fil-proċess. Fil-każ tal-Bank of Valletta, bl-involviment ta’ esperti interni u esterni li se jkomplu jassistu t-transazzjoni sat-tlestija, twettaq skrutinju estensiv fuq l-akkwirenti. Ġew stabbiliti proċessi b’saħħithom madwar l-għażla tal-kontijiet u l-valutazzjonijiet tagħhom. Twettqet valutazzjoni bir-reqqa tar-regolamenti finanzjarji maħruġa mir-regulatur tas-settur u l-aspetti legali kollha ġew evalwati. Il-Bank of Valletta se jkompli jkun assistit minn konsulent legali b’esperjenza biex jittratta kwalunkwe kwistjoni legali li tista’ tinqala’ waqt il-bejgħ u wara.

Kif jiġi kkalkulat il-valur ta’ self li ma jrendix?

Il-banek jistgħu jużaw diversi kriterji biex jivvalutaw dan is-self li ma jrendix, inkluż iż-żmien li għadda minn meta l-pagamenti waqqfu milli jsiru skont kif stipulat, iż-żmien mistenni għall-irkupru tad-dejn, l-affidabbiltà tad-debitur, u t-tip ta’ assi offruti bħala garanzija mid-debitur. Fil-każ tal-Bank of Valletta, il-valutazzjoni assumiet li l-irkupri tad-dejn se jseħħ mil-likwidazzjoni tal-assi wara l-garanziji b’mezzi ġudizzjarji. Il-kontijiet ta’ self ġew ivvalutati taħt diversi xenarji differenti li fihom ġew varjati kundizzjonijiet  relatati maż-żmien għall-irkupru tad-dejn, ċaqliq fil-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta fis-snin li ġejjin, l-ispejjeż tal-likwidazzjoni tal-proprjetà, u l-ispejjeż involuti għal min ikollu l-inkarigu li jiġbor dan id-dejn matul is-snin.

Il-Bank qed jittrasferixxi dan is-self-b’ammont inqas mill-bilanċ dovut lilu? U għaliex?

Iva. Fir-rigward ta’ konsiderazzjoni relatata ma’ flus, il-Bank of Valletta se jkun qed iċedi l-ammont li teoritikament jista’ jiġi rkuprat fil-futur minn dan is-self, bi skont li jirrifletti l-affidabbiltà attwali tad-debituri sottostanti u għaldaqstant ir-riskju li ma jinġabrux dawn il-flejjes, kif ukoll l-ispiża għall-akkwist u l-ġestjoni tal-Portafoll. Il-provvedimenti kontra dan is-self li ma jrendiex ġew imnaqqsa mill-profitti fis-snin preċedenti, f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji. Għaldaqstant, din it-transazzjoni se tħalli impatt posittiv fuq il-profittabilita’ tal-Bank għas-sena 2023, li jirrifletti d-differenza bejn it-telf li kien previst kif rifless fil-provvedimenti fuq dan is-self li ma jrendix, u t-telf li effettivament ser jimmaterjalizza wara it-transazzjoni.

Ekonomija

Sport