Fil-Jum Dinji tad-Down Syndrome, il-Bank of Valletta qed jiċċelebra l-kontribuzzjoni siewja u l-kisbiet ta’ erba’ impjegati bid-Down Syndrome, li saru parti integrali mill-familja tal-BOV. Id-dedikazzjoni, ix-xogħol u l-entużjażmu tagħhom juru l-impenn qawwi tal-Bank li jippromwovi l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol.

Illum, niċċelebraw il-ħidma ta’ Christian Zammit, Maria Pia Saliba, Charline Magro, u Alec Falzon.
Christian Zammit kien l-ewwel impjegat bid-Down Syndrome li ngħaqad mal-Bank – 23 sena ilu. Bħala membru tat-Taqsima tal-Learning and Development, huwa jipprovdi appoġġ lill-kollegi tiegħu b’diversi modi. “Jien nieħu ħsieb il-kmamar (taċ-Ċentru tat-Taħriġ u l-Iżvilupp) u nagħmel il-photocopies, u binding. Jiena sirt ħabib ma’ kulħadd u nħobb niċċajta mal-kollegi,” qal Christian. Fi kliem il-kollegi tiegħu, il-kontribuzzjoni siewja ta’ Christian għall-Bank u għalihom personali, hija ferm akbar minn dak li jagħtuh huma.
Maria Pia Saliba ilha membru tal-Bank għal seba’ snin, u taħdem mat-Taqsima tal-Customer Onboarding. Hija ssostni “ninsab kuntenta ħafna li naħdem hawnhekk. Inħobb lill-kollegi kollha, u nħoss li jien risepettata minn kulħadd. Nieħu gost naħdem magħhom; sibt it-tieni familja tiegħi hawnhekk.”
Charline Magro taħdem fit-Taqsima tal-E-Banking, fejn tassisti lill-kollegi tagħha permezz ta’ diversi xogħlijiet bħalma hu shredding, u spiss tqassmilhom xi ħaġa ħelwa. “Ilkoll jistennew bil-ħerqa l-gallettini,” qalet. Minbarra l-ħidma tagħha fil-BOV, Charline hija involuta b’mod attiv fl-isport u għandha passjoni għall-immudellar. Waqt li uriet it-trofej li kisbet, hija rrimarkat li l-aktar rikonoxximent reċenti tagħha ġie ppreżentat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura għall-ħidma volontarja tagħha fil-komunità.
Alec Falzon ingħaqad mad-Dipartiment tal-Personal Banking Channels sentejn ilu. Il-kollegi tiegħu jiddeskrivuh bħala enerġetiku u ħabrieki, filwaqt li jinnotaw li jagħmel differenza pożittiva fuq il-post tax-xogħol. Huwa eżempju ta’ kif il-kapaċitajiet u l-imħabba tiegħu għall-isport iħeġġu lill-oħrajn itejbu ħajjithom. Alec huwa wkoll atleta u reċentement ġie onorat bil-Premju Special Olympics Atleta Raġel matul il-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali, li saret aktar kmieni dan ix-xahar.
Ray Debattista, responsabbli mit-Taqsima People and Culture fi ħdan il-Bank of Valletta, innota li “l-Bank of Valletta hija waħda mill-aktar kumpaniji li tilqa’ persuni bi ħtiġijiet differenti. Aħna niffukaw fuq il-persuna, aktar milli fuq il-kwistjonijiet speċifiċi tagħha, għaliex nemmnu li kulħadd jistħoqqlu l-opportunità li jħossu inkluż fis-soċjetà.” Huwa ħeġġeġ lil kumpaniji oħra biex isegwu l-eżempju tal-Bank, filwaqt li saħaq li l-kontribuzzjonijiet ta’ persuni bħal Christian, Maria Pia, Charline, u Alec huma aktar sinifikanti milli wieħed jista’ jirrealizza.
F’din l-okkażjoni, l-impjegati tal-Bank of Valletta ġew mistiedna jilbsu kalzetti differenti u jieħdu ritratti mal-kollegi fit-tim tagħhom.
Il-Jum Dinji tad-Down Syndrome jitfakkar kull sena fl-21 ta’ Marzu, biex jiżdied l-għarfien dwar id-Down Syndrome. Dan il-jum beda jiġi rikonoxxut min-Nazzjonijiet Magħquda fl-2012, bil-għan li wieħed jifhem aħjar u jiżdied l-appoġġ għal persuni bid-Down Syndrome. Id-data tissimbolizza t-triplikazzjoni tal-21 kromożoma, li tikkawża d-Down Syndrome.