Hekk kif kulħadd ingħaqad biex ifakkar Jum id-Dinja 2025 fit-22 ta’ April, il-Bank of Valletta ikkonferma l-impenn tiegħu favur is-sostenibbiltà – mhux biss bħala prijorità tan-negozju, iżda bħala responsabbiltà u bħala parti integrali mill-kultura u l-operat tal-bank.
It-tema ta’ din is-sena – Our Planet, Our Power, titfa’ l-attenzjoni fuq ir-responsabbiltà kollettiva għall-ħarsien tar-riżorsi naturali – responsabbiltà li l-BOV iħaddan, mhux biss fil-prinċipju, iżda wkoll fil-prattika. Fil-fatt, il-Bank mhux biss qed jinvesti f’operazzjonijiet u prodotti sostenibbli, iżda wkoll fl-edukazzjoni tal-impjegati biex huma wkoll jagħmlu għażliet aktar ekoloġiċi – kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll lil hinn minnu.
“Is-sostenibbiltà mhix xi ħaġa li nitkellmu dwarha f’Jum id-Dinja biss. Huwa ħsieb li jixpruna kif naħdmu, naħsbu u mmexxu,” qal Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta. “Bnejna l-istrateġija ekoloġika tagħna madwar valur fit-tul, mhux biss għall-Bank, iżda wkoll għall-komunitajiet li naqdu, u l-ambjent li lkoll naqsmu. Ir-rwol tagħna bħala membru fundatur tal-Alleanza ESG ta’ Malta jirrifletti wkoll l-impenn tagħna għal bidla reali u li tista’ titkejjel — kemm fit-tnaqqis tal-impronta tagħna stess, kif ukoll fl-appoġġ lill-klijenti fil-vjaġġ ekoloġiku tagħhom.”
Il-Bank introduċa bosta proġetti ta’ ekoeffiċjenza allinjati mal-istandards internazzjonali tal-ESG, inklużi sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ambitu 1, 2 u 3. F’ dawn l-aħħar snin, il-BOV naqqas b ’mod sinifikanti l-użu tal-enerġija u tal-karta tiegħu, pereżempju bl-introduzzjoni tal-firem diġitali u t-tnaqqis fl-użu tal-istampar, li jkomplu jnaqqsu b’ mod sinifikanti l-konsum tar-riżorsi. Il-Bank immodernizza wkoll l-ispazji tax-xogħol tiegħu b’ infrastruttura effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u l-żvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġjaw teknoloġiji nodfa u investimenti sostenibbli.
Il-Bank qed jiffoka wkoll fuq is-sensibilizzazzjoni, l-involviment tal-impjegati u l-edukazzjoni madwar ir-responsabilità ambjentali fil-prattika. Permezz ta’ kampanji interni, l-impjegati huma mħeġġa jaħsbu fl-ambjent b’mod wisa’ u jaġixxu b’ responsabbiltà. Kull impjegat jingħata wkoll jum ta’ leave għal xogħol volontarju darba fis-sena, biex b’hekk jikkontribwixxu għal proġetti ambjentali u ffokati fuq il-komunitajiet.
Aktar kmieni din is-sena, il-Bank appoġġja wkoll l-Earth Hour fit-22 ta’ Marzu, u kompla bl-isforzi tiegħu biex jallinja mal-kampanji globali li jenfasizzaw l-importanza ta’ azzjoni ambjentali.
“Kburin bil-progress li għamilna – iżda aktar importanti minn hekk, ninsabu ħerqana għal dak li għandna quddiemna,” żied jgħid is-Sur Agius. “Aħna impenjati li mmexxu bl-eżempju, nitgħallmu matul il-vjaġġ, u ninkoraġġixxu lil ħaddieħor biex jingħaqad magħna f ’dan l-impenn.”
Bi pjan ċar, għanijiet li jistgħu jitkejlu, u kultura li tipprijoritizza t-tkabbir sostenibbli, il-Bank huwa determinat li jixpruna bidla sinifikanti – għall-impjegati tiegħu, għall-pjaneta, u għall-ġenerazzjonijiet futuri.