Wednesday, December 25, 2024

Il-BOV iġedded is-sħubija mal-Kamra tal-Kummerċ

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ġedded il-Gold Partnership tiegħu mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta. Il-ftehim, li l-ġħan tiegħu huwa li jipprovdi benefiċċji addizzjonali lill-Komunità tan-Negozju Maltija kien iffirmat minn Albert Frendo, Chief Business Banking Officer u Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer f’isem il-Bank of Valletta u s-Sinjura Marisa Xuereb, President u s-Sur Christopher Vassallo Cesareo, Deputat President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’  Malta

‘Din il-kollaborazzjoni fit-tul bejn il-Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ tipprovdi lill-Bank għarfien dwar l-operat, l-ambizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-membri tal-Kamra, li min-naħa tagħha tgħinna nfasslu prodotti ġodda u ntejbu dawk attwali għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet, “qal is-Sur Frendo. ‘Il-Kamra ta’ Malta tinsab fil-qalba ta’ netwerk uniku ta’ negozji u nemmnu bis-sħiħ li din ir-relazzjoni kollettiva twassalna biex nilħqu miri lil hinn minn dawk li jistgħu jintlaħqu individwalment.’

‘Dan il-ftehim se jiffoka wkoll fuq il-kunsiderazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) tal-Bank u tal-membri tal-Kamra,’ qal is-Sur Farrugia. ‘L-ESG qed tevolvi kontinwament u għal ħafna kumpaniji, inkluż il-BOV, dawn il-kwistjonijiet qegħdin dejjem jiżdiedu fl-importanza. Din is-sħubija hija pjattaforma importanti ħafna għall-komunikazzjoni bejn in-negozji, u wkoll l-investituri tagħhom biex jifhmu aħjar kwistjonijiet importanti dwar il-klima u jaġixxu fuq dawn filwaqt li jiżdied l-ammont ta’ informazzjoni disponibbli dwar dawn l-isforzi.’

Il-President tal-Kamra ta’ Malta s-Sinjura Marisa Xureb qalet li, “l-isfidi li ġejjin għan-negozji jeħtieġu aktar tisħiħ tar-relazzjoni bejn in-negozji u l-bankiera tagħhom. Il-bidliet regolatorji jeħtieġu kollaborazzjoni u kooperazzjoni, u l-pajsaġġi dejjem jinbidel tal-fintech u tas-self jeħtieġu li l-banek jiżviluppaw għarfien aktar profond fl-attivitajiet kummerċjali u ta’ investiment tad-diversi setturi tan-negozju rappreżentati f’The Malta Chamber, biex ikunu jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju aħjar lil intrapriżi kummerċjali vijabbli, irrispettivament mid-daqs tagħhom, li joperaw kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.”

Il-Kamra ta’ Malta u l-Bank of Valletta bħalissa qed jippjanaw bosta attivitajiet, seminars, webinars u sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-membri tal-Kamra biex jaqsmu l-għarfien u jesploraw opportunitajiet għas-settur tan-negozju ta’ Malta.

Ekonomija

Sport