Wednesday, December 25, 2024

Il-BOV iħabbar dividend interim ta’ €0.0924 gross għal kull sehem

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta għadu kif ħabbar dividend interim ta’ €35 miljun għall-ewwel nofs tas-sena 2024, ekwivalenti għal dividend gross ta’ €53.8m. Dan jammonta għal dividend ta’ €0.0924 gross għal kull sehem (€0.06 nett mit-taxxa).

Il-ħlas tad-dividend imħabbar mill-Bank isegwi l-prestazzjoni finanzjarja pożittiva rrappurtata mill-Grupp BOV matul l-ewwel sitt xhur tal-2024, li għaliha l-Grupp irrapporta profitt qabel it-taxxa ta’ €148.2 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 40.9% fuq l-istess perjodu fl-2023. Id-dividend huwa ppjanat li jitħallas fis-27 ta’ Novembru 2024 lil dawk il-membri li jidhru fir-Reġistru tal-Membri tal-Bank.

Iċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina kkummenta dwar dan. “Kif konna ħabbarna waqt il-preżentazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp BOV għall-ewwel sitt xhur tal-2024, saret analiżi fil-fond rigward id-distribuzzjoni possibbli ta’ dividendi lill-azzjonisti tal-Bank, li ikkunsidrat riskji u kriterji regolatorji importanti li jiffukaw fuq is-saħħa u l-vijabbiltà tan-negozju futur tal-Bank. Id-dividend li qed nipproponu llum huwa r-riżultat tal-isforzi tagħna biex nissalvagwardjaw l-aħjar interessi tal-azzjonisti tagħna u ta’ partijiet interessati oħra. Kburi li nista’ nħabbar dividend li huwa premju ġust lill-azzjonisti tagħna għall-fiduċa imġedda li jibqgħu juru f’dan il-Bank.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia stqarr, “Din l-aħbar hija prova ċara tal-impenn tal-Bank biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija f’Malta. Bi pjaċir ninnota li d-deċiżjonijiet li qed nieħdu, flimkien ma’ approċċ prudenti u li jħares ‘il quddiem biex inżommu Karta tal-Bilanċ b’saħħitha, qed jagħtu r-riżultati mistennija. Id-dividend interim propost huwa r-riżultat tad-diversi inizjattivi strateġiċi li qed jiġu implimentati mill-Bank, li jħarsu l-klijenti tagħna, l-operat, il-governanza u l-impjegti stmati tagħna, u fejn fil-proċess qed ninkorporaw kunsiderazzjonijiet tal-ESG. Dawn l-inizjattivi min-naħa tagħhom qed isaħħu l-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank, jippermettu d-distribuzzjoni ta’ dividendi lill-azzjonisti stmati tagħna, u fl-istess ħin jiżguraw li qed nilħqu, u possibilment naqbżu, l-aspettattivi tas-servizz kemm tal-klijenti tagħna, kemm personali kif ukoll dawk tan-negozju.”

Ekonomija

Sport