Wednesday, October 22, 2025

IL-BOV IĦABBAR ĦRUĠ TA’ BONDS MHUX GARANTITI GĦAL TERMINU MEDJU SA €325 MILJUN 

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta kiseb l-approvazzjoni regolatorja mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) biex joħroġ Programm ta’ Bonds Mhux Garantiti fil-Munita Ewro għal Terminu Medju b’ammont massimu ta’ €325 miljun.

L-ewwel tranche ta’ bonds taħt il-programm, jikkonsisti f’ammont massimu ta’ €100 miljun f’bonds subordinati mhux garantiti ta’ 5% li jimmaturaw bejn l-2030 u l-2035. Dan l-ammont jista’ jiżdied sa massimu ta’ €125 miljun f’każ ta’ domanda ogħla u jekk il-Bank jagħżel li juża l-Għażla ta’ Allokazzjoni Żejda tal-Programm. Il-Bonds se jkunu disponibbli għas-sottoskrizzjoni tal-pubbliku ġenerali.

Dan il-Ħruġ ta’ Bonds issegwi ħruġ b’suċċess ta’ €150 miljun ta’ bonds subordinati mhux garantiti mill-BOV aktar kmieni din is-sena, li ngħalaq fi ftit jiem biss wara rispons qawwi mill-investituri. Dan kien l-akbar ħruġ korporattiv li qatt ġie rreġistrat fis-suq lokali.

Dr Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, irrimarka li dan huwa sinjal ieħor lis-suq tal-fiduċja tal-Bank fl-istrateġija ta’ tkabbir tiegħu fl-ekonomija nazzjonali u s-suq finanzjarju. “L-għan ta’ dan il-programm huwa li jippermetti lill-Bank jikkonsolida l-pożizzjoni kapitali tiegħu, prinċipalment b’appoġġ għat-tkabbir previst fil-karta tal-bilanċ f’konformità mal-istrateġija tiegħu għall-2024–2026. Nibqgħu impenjati li nibnu fuq il-kisbiet tagħna, nippremjaw lill-klijenti leali, l-azzjonisti u d-detenturi tal-bonds tagħna, u li nkomplu l-vjaġġ tagħna lejn aktar tkabbir u eċċellenza.”

Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, enfasizza l-pożizzjoni b’saħħtiha tal-Bank fis-suq, li ġiet ikkonfermata minn klassifikazzjonijiet ta’ kreditu favorevoli minn aġenziji internazzjoni bħal Fitch u S&P Global, attribwiti għall-prestazzjoni u s-saħħa tal-karta tal-bilanċ tal-Bank. “It-tnedija tal-programm il-ġdid tal-EMTN għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħna fis-suq u ssaħħaħ l-istatus tagħna bħala l-Bank tal-Għażla f’Malta.”

Minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-bonds huma kklassifikati bħala strumenti kumplessi, u jista’ jkun diffiċli biex wieħed jifhimhom. Għaldaqstant, jistgħu jirriżultaw mhux adattati għat-tipi kollha ta’ investituri individwali. L-investituri potenzjali huma avżati li test tal-adegwatezza huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jkunu fehmu sew u li jkun hemm adattament xieraq għall-portafoll ta’ investiment tagħhom. Il-pubblikazzjoni tal-prospett bażi u t-termini finali, kif ukoll informazzjoni addizzjonali huma disponibbli fuq https://www.bov.com/bond-prospectus. L-approvazzjoni tal-prospett m’għandhiex tinftiehem bħala rakkomandazzjoni tal-Bonds offruti jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport