Bil-għan li jkompli jirfina s-servizz li joffri lill-klijenti, il-Bank of Valletta dan l-aħħar introduċa bosta bidliet li jolqtu direttament lill-klijenti mill-fergħat u l-ATMs madwar Malta u Għawdex. Dawn il-bidliet joffru soluzzjonijiet iżjed flessibbli, li għandhom itejbu l-esperjenza tal-klijent filwaqt li fl-istess ħin itejbu wkoll is-servizzi diġitali.
Ħinijiet estiżi minn erbgħatax-il Fergħa
Matul l-aħħar ġimgħat, tela’ għal erbgħatax, in-numru ta’ fergħat li qed jibqgħu miftuħin sas-6 ta’ filgħaxija nhar ta’ Ħamis. Il-lokalitajiet il-ġodda huma Il-Fgura, n-Naxxar, Santa Venera, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Iż-Żejtun u Wied il-Għajn. Dawn żdiedu mal-fergħat l-oħra li diġà kienu joffru dan is-servizz, jiġifieri Buġibba, Il-Mosta, Raħal Ġdid, San Ġwann, Tas-Sliema, ż-Żurrieq u r-Rabat Għawdex.
Is-servizz offrut waqt il-ħinijiet estiżi jinkludi s-servizzi bankarji kollha, inkluż aġġornament tad-dettalji personali, investimenti, applikazzjoni għal self fuq id-djar u self personali, kards ta’ kreditu, ftuħ ta’ kontijiet, u ħtiġijiet bankarji ġeneriċi oħra minbarra s-servizz ta’ kaxxier.
L-akbar flotta ta’ ATMs b’servizz komplut
Minbarra l-importanza li l-Bank jagħti lis-servizz offrut lill-klijenti wiċċ imb’wiċċ, il-BOV jibqa’ kommess ukoll li jtejjeb il-flotta attwali tal-ATMs, li hija l-ikbar waħda li toffri s-servizzi madwar Malta u Għawdex, inkluż ġbid ta’ flus u depożiti istantanji, trasferimenti minn kont għal ieħor, top-up tal-mobile mill-fornituri kollha ewlenin f’Malta, rendikonti u bilanċi aġġornati fost servizzi oħra.
Fl-aħħar tax-xahar li għadda, l-BOV introduċa ATM ġdida li taċċetta d-depożiti fix-Xagħra, biex hekk kompliet tissaħħaħ il-preżenza tal-ATMs tal-Bank f’Għawdex u li tellgħet it-total ta’ ATMs għal 94. Il-Bank jinsab fil-proċess ukoll li jbiddel 29 ATM attwali għal oħrajn ġodda, moderni u iktar veloċi filwaqt li fi żmien mhux wisq ‘il bogħod parti kbira mill-magni se jkunu qed jaċċettaw it-teknoloġija contactless. Gradwalment ukoll se jkunu qed jiġu introdotti ATMs li jaċċettaw depożiti b’volum għoli ta’ flus.
Appuntamenti mal-Fergħat kollha b’sistema online
Intant, wara perjodu ta’ prova, il-fergħat kollha tal-BOV issa jaċċettaw appuntamenti permezz ta’ sistema diġitali, li permezz tagħha l-klijenti jistgħu jagħmlu appuntament mal-Fergħa li jippreferu mill-kumdità tad-dar mingħajr ma jkollhom bżonn iċemplu jew imorru personalment minn qabel.
Din is-sistema aċċessibbli minn https://myappointment.bov.com toffri bosta fatturi konvenjenti u faċli biex jintużaw. Il-klijenti permezz tagħha jistgħu isibu l-ħinijiet disponibbli fil-fergħa li jgħażlu, idaħħlu d-dettalji, jniżżlu l-ħin preferut u jikkonfermaw l-appuntament.
Is-sistema għandha l-faċilità li tibgħat ukoll notifika li tfakkar l-appuntament minn qabel. L-appuntamenti jistgħu isiru għas-servizzi bankarji kollha inluż waqt il-ħinijiet estiżi tal-Ħamis filgħaxija.
F’kumment li għamel dwar dawn il-bidliet, is-Sur Geoffrey Ghigo, Kap tal-Personal Banking Channels fil-Bank of Valletta, qal li “Nirrikonoxxu li wħud mill-klijenti tagħna jippreferu s-servizz personalizzat permezz tal-Fergħat tagħna, filwaqt li oħrajn iħossuhom iżjed komdi jinqdew b’mod remot u diġitali.
L-istrateġija tagħna għal dawn it-tliet snin, iddur madwar il-klijenti u l-preferenzi tagħhom permezz tal-innovazzjoni f’bosta mezzi li minnhom noffru s-servizz. Interessanti ninnutaw li l-ATMs tagħna jiproċessaw 62% tal-ġbid ta’ flus kontanti u 42% tad-depożiti kollha proċessati f’Malta u Għawdex.
Bit-titjib fl-ATMs, l-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ u l-introduzzjoni ta’ soluzjonijiet innovattivi, inkomplu nżommu mal-wegħda li ngħollu l-esperjenza tal-klijent minn kull mezz li minnu jinteraġixxu magħna, sew jew mezz fiżiku, diġitali jew taħlita tat-tnejn”.