Thursday, December 26, 2024

IL-BOV IKOMPLI BL-ATTIVITÀ BIEX JEDUKA LILL-KLIJENTI DWAR SCAMS

Aqra wkoll

Żieda fil-viġilanza permezz ta’ kwizz onlajn innovattiv

Peress li Ottubru huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala x-xahar tal-għarfien dwar is-cybersecurity, il-Bank of Valletta għamel użu mill-midja soċjali biex ikompli jrawwem kuxjenza dwar it-tipi differenti ta’ scams li hemm fiċ-ċirkolazzjoni fil-preżent.

Il-BOV Spot the Scam Quiz kien mod innovattiv biex il-Bank jinteraġixxi mal-klijenti, u għen lill-pubbliku ġenerali jżid l-għarfien tiegħu dwar kif jinnaviga d-dinja ċibernetika b’mod sigur. Aktar minn 1,600 individwu ħadu sehem fuq medda ta’ ġimgħatejn, b’mistoqsijiet li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti inkluż telefonati u SMSs qarrieqa, websajts foloz, talbiet frawdolenti għal informazzjoni kunfidenzjali, u ħafna aktar. Ir-rebbieħa tal-BOV Spot the Scam Quiz kienu s-Sur Julian Cassar, is-Sinjura Mandy Farrugia, u s-Sur Justin Vella, li ltaqgħu mat-tim tal-Creative Hub fiċ-Ċentru BOV f’Santa Venera biex jiġbru l-premjijiet tagħhom.

Hekk kif tiżdied l-inċidenza ta’ scams u tentattivi ta’ hacking, il-Bank qed ikompli jkollu rwol importanti biex irawwem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali, biex huma jgħarfu jieħdu l-passi biex jipproteġu lilhom infushom minn attivitajiet marbuta ma’ frodi, u jgħinu lill-vittmi potenzjali jifhmu għaliex huwa daqshekk importanti li jieħdu ħsieb l-informazzjoni personali tagħhom.

Il-Bank iħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun viġilanti u kawt il-ħin kollu; importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-impjegati tal-BOV qatt mhu se jitolbu n-numri tal-kont jew tal-kards b’mod sħiħ, id-dettalji tas-CVV tal-kard (it-tliet ċifri fuq in-naħa ta’ wara tal-kard), il-PINS tal-kard, il-passwords tal-internet jew tal-mobile banking, kodiċijiet, firem, jew awtentikazzjoni multi-fattur. L-impjegati tal-Bank qatt mhu se jitolbu lill-klijenti informazzjoni li twassalhom biex iwettqu transazzjonijiet finanzjarji bit-telefon. Huwa importanti li ħadd ma jagħti informazzjoni sensittiva bit-telefon, jew permezz ta’ kwalunkwe link li tirċievi fil-forma ta’ SMS.

Li żżomm aġġornat u titgħallem kemm jista’ jkun dwar dawn l-attivitajiet frawdolenti huwa l-ewwel pass. Il-Bank of Valletta jistieden lill-pubbliku biex jara sensiela ta’ klipps qosra li fihom sitwazzjonijiet komuni ta’ kuljum li jistgħu jsibu ruħhom fihom. Dawn huma aċċessibbli mil-link elettroniku www.bov.com/content/be-cyber-safe-clips.

Ekonomija

Sport