Il-Bank of Valletta qed iħabbar li mit-Tnejn 5 ta’ Ottubru qed iniedi s-servizz ta’ pagamenti istantanji lejn il-pajjiżi li jiffurmaw iż-żona unika ta’ pagamenti bl-ewro (SEPA). Dan is-servizz kien diġà tnieda għall-pagamenti li jiġu mibgħuta lejn Malta minn dawn il-pajjiżi, f’Diċembru li għadda. Bl-introduzzjoni tal-pagamenti ’l barra lejn dawn il-pajjiżi, issa l-klijenti tal-BOV jistgħu jħallsu b’mod iżjed veloċi u flessibbli fil-munita ewro, kuljum f’kull mument.
Għas-servizz ta’ pagamenti istantanji, m’hemmx tariffi addizzjonali, għajr dawk diġà eżistenti għal trasferimenti ta’ kreditu SEPA. Il-klijenti għandhom l-għażla li jagħmlu pagamenti istantanji permezz tal-Internet u l-Mobile Banking. Din hija opportunità tajba għall-klijenti sabiex ma jibqgħux jagħmlu użu minn ċekkijiet, b’tariffi orħos milli kieku wieħed jibqa’ joħroġ iċ-ċekkijiet, u bil-fakultà li l-flus jiġu trasferiti b’mod immedjat u disponibbli mill-ewwel fil-kont.
Dwar l-introduzzjoni tal-Pagamenti Istantanji, il-Kap tat-Taqsima tal-eBanking tal-BOV, Chris Degabriele qal li “b’iktar minn 36 pajjiż li jagħmlu parti miż-żona SEPA, u bil-pagamenti lejn dawn il-pajjiżi issa jaslu f’inqas minn 10 sekondi, qed jingħata bidu għal era ġdida ta’ pagamenti diġitali. Spiċċa ż-żmien fejn tranżazzjonijiet minn bank għal ieħor jieħdu sa jumejn jew tlett ijiem biex il-flus jiġu disponibbli. F’dinja mgħaġġla u diġitali, il-pagamenti istantanji se jbiddlu l-mod kif wieħed iħallas lil ħaddieħor, sew jekk minn pajjiż għal ieħor jew fl-istess pajjiż fejn ikun jinsab. Barra minn hekk, btajjel bankarji, tmiem il-ġimgħa, btajjel pubbliċi u ħinijiet oħra li qabel kienu barra min-normal, illum huma irrelevanti, hekk kif is-servizz se jibqa’ disponibbli 24 siegħa kuljum, permezz ta’ pjattaformi diġitali.”
Il-pagamenti kollha SEPA offruti mill-Bank of Valletta, inkluż il-pagamenti istantanji, huma koperti wkoll minn servizz ta’ verifika dwar min qed jitħallas (VoP), li jivverifika l-awtentiċità tal-IBAN u l-isem tal-benefiċjarju. Il-klijenti se jkollhom l-għażla li jew jipproċedu jew jikkanċellaw il-pagamenti skont ir-riżultat tal-verifika li tkun saret. Dan għandu l-għan li jwaqqaf temporanjament il-pagament f’każ li l-klijent ikollu bżonn jikkonferma d-dettalji, jevita żbalji u possibilment pagamenti frodulenti. Barra minn hekk, permezz ta’ sistema li taħdem bl-Intelliġenza Artifiċjali, it-tranżazzjonijiet huma ċċekkjati sew qabel u anke wara li jiġu eżegwiti. B’hekk tkompli tiżdied is-sigurtà kontra l-pagamenti frodulenti mingħajr ma jxekkel l-istantanjetà li bihom jiġu proċessati l-pagamenti.
B’rabta mal-bidliet u l-introduzzjoni tal-Pagamenti Istantanji SEPA, il-Bank of Valletta aġġorna wkoll it-Termini u l-Kundizzjonijiet Ġenerali, bil-bidliet jidħlu fis-seħħ mill-5 ta’ Ottubru 2025. Id-dokument kollu huwa disponibbli u jista’ jitniżżel, minn https://www.bov.com/terms-and-conditions filwaqt li dokument bil-mistoqsijiet komuni u iktar dettalji fuq is-servizz, jista’ jitniżel minn https://www.bov.com/sepa-instant-payments.