Il-Bank of Valletta introduċa sett ta’ kards ta’ Debitu u Kreditu li se jkun qed jieħu post il-kards li kienu offruti qabel lill-klijenti tan-negozju. Is-sett il-ġdid tal-BOV Corporate Visa Cards jinkludi fih tliet kards: il-Visa Business Debit Card, il-Corporate Credit Card, u l-Corporate Premium Credit Card.
Dawn il-kards huma ddisinjati apposta għas-sidien tan-negozju bil-għan li joffru flessibiltà u konvenjenza meta jiġu biex iwettqu tranżazzjonijiet f’isem il-kumpanija. Il-kards il-ġodda jinħarġu fuq isem il-kumpanija u fuq isem ir-rappreżentant awtorizzat. Il-Visa Business Debit Card qed tinħareġ minflok il-Cashlink Visa, filwaqt li l-Corporate Credit Card u l-Corporate Premium Credit Card qed jinħarġu minflok il-BOV Visa Classic, il-BOV Skypass, il-Visa Gold u l-Visa Platinum Credit Card rispettivament.
Il-BOV Corporate Visa Cards joffru diversi karatteristiċi u benefiċċji bil-għan li jtejbu l-esperjenza tal-mod kif iħallsu l-klijenti. Karatteristika ġdida hija skema ta’ punti li toffri cashback direttament fuq il-kont tal-kard. L-iskema hija wkoll miftuħa għal klijenti li qabel kellhom il-Visa Classic Credit Card u li issa qed jiġu offruti l-Corporate Credit Card minflok. Barra minn hekk, klijenti li għandhom il-Corporate Premium Credit Card, jistgħu jaċċessaw swali VIP f’diversi ajruporti madwar id-dinja u l-ewwel erba’ darbiet fis-sena huma disponibbli bla ħlas għall-klijent li fuqu hija maħruġa l-kard, ladarba dawn japplikaw għall-kard tal-Priority Pass.
Il-Kap tal-BOV eBanking, Chris Degabriele spjega li l-introduzzjoni tal-kards il-ġodda, tifforma parti minn serje ta’ servizzi iktar wiesa’ offruti lill-klijenti tan-nagozju li jaqgħu taħt il-kappa tal-BOV SmartPay. “Il-Bank of Valletta dejjem kien fuq quddiem fil-qasam ta’ servizzi innovattivi fosthom Soluzzjonijiet ta’ Pagamenti għan-Negozji li jinkludu pagamenti bl-ePOS, MobilePOS, eCommerce, Batch Payments u firxa wiesgħa ta’ servizzi bankarji għall-ħtiġijiet tan-negozji. Bl-introduzzjoni tal-Corporate Cards, il-BOV SmartPay qed issir l-għażla naturali għas-sidien tal-ħwienet, u tan-negozju. Is-sett il-ġdid tal-kards huwa ddisinjat speċifikament biex jilħaq il-ħtiġijiet dejjem jevolvu tal-komunità kummerċjali.”
Il-kards il-ġodda ġew mibdula mal-qodma għall-klijenti eżistenti matul ix-xahar ta’ Ġunju, filwaqt li l-istess klijenti ngħataw l-informazzjoni kollha dwar il-benefiċċji u l-bidliet il-ġodda. It-termini u l-kundizzjonijiet u fuljett li jinkludi l-informazzjoni kollha, jinsabu u jistgħu jitniżżlu minn https://www.bov.com/bov-corporate-card.