Monday, December 23, 2024

IL-BOV iqajjem kuxjenza dwar il-Mobiltà fil-Jum Dinji tar-Roti

Aqra wkoll

Il-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta mal-NGO ROTA wasslet għat-tnedija tat-tieni vidjo edukattiv u ta’ għarfien li jippromwovi s-sigurtà fit-toroq u li jenfasizza l-bosta benefiċċji taċ-ċikliżmu. L-ewwel filmat iffoka fuq kif dawk li jivvjaġġaw jistgħu jaqsmu l-istess triq u enfasizza r-regoli bażiċi u l-etikett għas-sewwieqa. It-tieni filmat jiffoka fuq il-benefiċċji li r-rota toffri lis-sewwieq, mhux biss meta tintuża għad-divertiment, iżda wkoll bħala mezz ta’ vjaġġar, li toffri alternattiva vijabbli għall-karozzi u l-muturi li aħna mdorrija li nużaw.

Il-filmat tnieda nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2023, jum li huwa rikonoxxut bħala l-Jum Dinji tar-Rota, u li juri l-versatilità tar-rota, kif ukoll l-affidabbiltà u s-sostenibbiltà tagħha bħala mezz ta’ trasport. Dawn il-filmati informattivi qed jintwerew hawn https://youtu.be/qpyq23IwVqk. Kull min jixtieq jitgħallem aktar dwar Rota u l-missjoni tagħha jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit elettroniku https://www.rota.mt.

Meta tkellem dwar il-kollaborazzjoni ma’ ROTA, Charles Azzopardi, li jmexxi t-tim tar-RSK (Responsabbiltà Soċjali Korporattiva) tal-Bank, qal li, “B’ aktar minn 2,000 impjegat, il-BOV huwa komunità żgħira fiha nnifisha. Bħala tali, meta nieħdu inizjattivi edukattivi bħal dik imnedija llum, nassiguraw li l-impjegati tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw direttament. Iż-żieda fil-kuxjenza dwar l-importanza ta’ mobilità attiva u mezzi alternattivi ta’ vjaġġar hija importanti għall-impjegati tal-Bank hekk kif inkomplu ndaħħlu prattiċi tajbin għas-saħħa, filwaqt li nibqgħu wkoll leali għall-impenn tagħna lejn il-prinċipji tal-ESG.”

Dan il-punt kien ikkorroborat minn Mark Trapani, President tal-NGO ROTA, li spjega li xi drabi l-ivvjaġġar bil-karozza u l-konġestjoni fit-traffiku jistgħu jgħawġu l-perċezzjoni tagħna relatata mad-distanzi. Pereżempju, vjaġġ mill-Belt Valletta għal Tas-Sliema jista’ jieħu sa siegħa bil-karozza matul l-eqqel sigħat tat-traffiku, u dan joħloq l-illużjoni li dawn iż-żewġ postijiet huma mili bogħod minn xulxin. Madankollu, ir-realtà hija li bir-rota wieħed jista’ jagħmel dan il-vjaġġ fi 15-il minuta biss. “Dawn il-filmati għandhom sinifikat partikolari peress li jenfasizzaw is-sigurtà fit-toroq u l-benefiċċji taċ-ċikliżmu fil-gżejjer sbieħ u kompatti tagħna.” Huwa rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu, u qal li din il-kollaborazzjoni tippermetti li ROTA testendi l-messaġġ tagħha għal udjenza usà.

Fil-Bank of Valletta, il-mobilità attiva tingħata importanza anke permezz tal-BOV Sports and Social Club li diġà organizza diversi avvenimenti sportivi matul din is-sena. Joseph Felice, koordinatur tal-isports tal-klabb, huwa responsabbli għal diversi ġirjiet bir-rota organizzati għall-membri tal-istaff tal-BOV. Joseph, li huwa ċiklist akkanit, semma li “ċ-ċikliżmu mhux biss huwa mod kif wieħed imur minn post għall-ieħor, iżda huwa wkoll opportunità biex tiltaqa’ ma’ ċiklisti oħra. Aħna naqsmu l-għarfien u l-esperjenza, l-aktar permezz tal-passjoni tagħna għar-roti. Ir-rota toffri libertà u aċċessibbiltà li ma joffrux mezzi oħra ta’ trasport. Inħeġġeġ lill-oħrajn biex jagħmlu użu aktar spiss tar-rota u biex javviċinaw ċiklisti b’esperjenza għal pariri siewja. Jiena konvint li jekk jagħmlu hekk, dan iwassal għal esperjenza ġdida li kapaċi tbiddlilhom ħajjithom.”

Ekonomija

Sport