Bil-għan li jipproteġi lill-klijenti mill-frodi u l-kriminalità finanzjarja, il-Bank of Valletta introduċa żewġ miżuri ġodda li għandhom isaħħu s-sigurtà kull darba li l-klijenti jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent jew iwettqu tranżazzjonijiet minn xi waħda mill-Fergħat. L-inizjattivi l-ġodda jinkludu proċess iktar sigur biex jiġu awtentikati l-klijenti meta jċemplu liċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, kif ukoll notifika permezz ta’ SMS li jintbagħat direttament lill-klijenti kull darba li jiġbdu flus kontanti minn waħda mill-fergħat tal-BOV.
Il-klijenti li jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, normalment huma mdorrija li jridu jwieġbu mistoqsijiet ta’ sigurtà li jsirulhom mill-aġenti tal-Bank qabel ma jkunu jistgħu jinqdew. Bil-bidliet il-ġodda, klijenti li huma reġistrati għas-servizzi elettroniċi bħall-Internet u l-Mobile Banking, issa se jkunu mitluba jillogjaw malli jagħmlu kuntatt mal-aġenti tal-Bank u b’hekk ir-rappreżentant ikun jista’ jivverifika li t-telefonata hija ġenwina minħabba li l-aċċess għall-Internet jew il-Mobile Banking irid jiġi awtentikat bis-sistema tal-Password jew il-Biometriċi mill-mobile tal-klijent stess. Il-proċess imbagħad jipproċedi billi l-klijenti jikkonfermaw l-identità tagħhom u d-data tat-twelid. Il-proċess il-ġdid se jkun qed jiffranka lill-klijenti bejn ħames u seba’ minuti filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ is-sigurtà permezz ta’ diversi livelli ta’ awtentiċità.
Inizjattiva oħra li ġiet introdotta riċentament, hija notifika permezz ta’ SMS li l-klijenti jirċievu meta jiġbdu flus kontanti mingħand il-kaxxiera f’xi waħda mill-fergħat. Din in-notifika għandha żżid is-serħan tal-moħħ għall-klijenti li jkunu jafu eżatt malli jinġibdu l-flus, anke f’istanti leġittimi meta persuni terzi jkunu awtorizzati li jiġbdu l-flus f’isem ħaddieħor. Permezz tan-numru reġistrat mal-Bank, il-klijenti qed ikunu infurmati mill-ewwel bit-tranżazzjoni li tkun għadha kemm seħħet.
Iċ-Chief Operations Officer tal-BOV, Ernest Agius wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li wettqu diversi timijiet fi ħdan il-Bank biex ikomplu jitjiebu l-proċessi u fl-istess ħin tissaħħaħ l-esperjenza tal-klijent. “Fil-Bank of Valletta, il-bidla ma tieqaf qatt. Qed naħdmu bi sħiħ biex intejbu l-proċessi interni u fl-istess waqt naqdu lill-klijent aħjar. Kull titjib fil-proċessi, jirrikjedi l-ħin, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-impjegati minn diversi oqsma tal-Bank. Dawn l-aħħar bidliet għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu s-sigurtà tal-klijenti tagħna. Filwaqt li huwa importanti li l-klijenti jżommu d-dettalji tagħhom aġġornati, fil-każ tan-notifika li tintbagħat permezz tal-SMS meta jinġibdu l-flus, huwa daqstant ieħor essenzjali li n-numru tal-mobile jkun reġistrat mal-Bank. Barra minn hekk, nistiednu lill-klijenti biex jagħmlu kuntatt mal-Fergħat jew iċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, jekk għandhom bżonn jirreġistraw għas-servizzi elettroniċi.”
Il-Kap tal-Personal Banking Channels tal-BOV, Geoffrey Ghigo laqa’ dawn l-inizjattivi u wiegħed li l-Bank se jibqa’ jipproteġi lill-klijenti bl-aqwa modi possibbli. “L-Internet u l-Mobile Banking tagħna joffru l-konvenjenza u aċċess faċli għall-finanzi filwaqt li juru l-attività li tkun saret fuq il-kont dak il-ħin stess. Inħeġġeġ lill-klijenti tagħna jżommu għajnejhom miftuħa fuq l-attività tal-kont tagħhom li jinkludu l-bilanċ u t-tranżazzjonijiet. Il-proċess li jawtentika lill-klijenti huwa essenzjali. Nifhmu li xi drabi dan kien jieħu ħafna ħin però dan ma jnaqqasx mill-importanza tiegħu. Il-proċess il-ġdid issa huwa iktar veloċi, u iktar sigur. Anke fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jsiru mill-fergħat tagħna, in-notifika bl-SMS se tkompli sserraħ moħħ il-klijenti u toffri livell ogħla ta’ sigurtà.”
Il-Bank ifakkar lill-klijenti li dawn l-SMSes mhux se jsaqsu għal xi dettalji personali jew jitolbu lill-klijenti jidħlu f’xi links għal websites speċifiċi. Dan jibqa’ konformi mal-impenn kontinwu tal-Bank li jipproteġi lill-klijenti u jħeġġiġhom jibqgħu viġilanti fid-dawl ta’ theddid dejjem jiżdied minn frodisti. Klijenti li jkollhom suspett fuq xi tranżazzjonijiet speċifiċi għandhom jagħmlu kuntatt mal-Bank b’mod dirett u immedjat.