Monday, December 23, 2024

Il-BOV jappoġġja l-proġett ta’ Puttinu Cares biex jitkomplew l-appartamenti f’Londra

Proġett ieħor maġġuri li jikkommmemora l-ħamsin sena mit-twaqqif tal-bank

Aqra wkoll

Ikomplu l-attivitajiet marbuta mal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Bank of Valletta, b’diversi inizjattivi li l-Bank qed jieħu sabiex jiċċelebra mal-klijenti u ma’ organizzjonijiet li jaħdem magħhom mill-qrib.

Għaldaqstant, sabiex isostni l-isforzi biex ikompli jkun ta’ appoġġ lill-komunità li jopera fiha, b’mod partikolari lil dawk l-iktar vulnerabbli, il-BOV ħabbar kollaborazzjoni oħra maġġuri, din id-darba mal-Fondazzjoni Puttinu Cares, fejn il-Bank se jkun qed jgħin biex jitlesta wieħed mill-appartamenti li l-Fondazzjoni għandha f’Londra. Dan il-proġett isegwi ieħor maġġuri li tħabbar dan l-aħħar b’risq Caritas Malta fejn hawnhekk il-BOV qed jgħin fir-rinnovar tal-kċina fil-kwartieri tal-irġiel f’San Blas.

Fit-tnedija ta’ dan l-iktar proġett riċenti, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, iċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius u ċ-Chief Personal and Wealth Officer, Simon Azzopardi wettqu żjara fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fejn iltaqgħu mal-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri u mal-Kap Eżekuttiv, Rennie Zerafa.

Ir-rappreżentanti tal-BOV ingħataw iktar dettalji dwar il-proġett u kienu preżentati bil-pjanti tal-appartamenti f’Londra. Il-proġett li se jkun qed jirċievi l-appoġġ finanzjarju tal-Bank, jinkludi l-kċina, il-kamra tas-sodda u l-kamra tal-banju ta’ wieħed mill-appartamenti. Dan l-appoġġ għandu jgħin lil Puttinu fil-ħidma tagħhom b’risq dawk li jfitxxu l-għajnuna waqt it-trattament tagħhom barra minn Malta.

F’kummenti dwar din il-kollaborazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia saħaq fuq l-impatt pożittiv li dan il-proġett se jħalli fuq il-pazjenti u l-qraba li jakkumpanjawhom matul l-iktar żminijiet diffiċli ta’ ħajjithom. “Fi storja ta’ ħamsin sena, il-Bank of Valletta dejjem stinka biex ikun ta’ servizz u sostenn għall-komunità.

Din is-sena qed inkomplu nsaħħu din il-ħidma bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju. Bħalissa qed nidħlu f’kollaborazzjonijiet ta’ din ix-xorta li jħallu impatt pożittiv fit-tul fuq diversi komunitajiet għas-snin u l-ġenerazzjonijiet tal-futur.

Il-ħidma imprezzabbli tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, u d-dedikazzjoni u l-appoġġ li jagħtu lil tant familji, huwa tassew ta’ min wieħed ifaħħru u għaldaqstant ninsabu kburin li qed noffru l-appoġġ tagħna f’dan il-proġett ambizzjuż.”

F’isem Puttinu Cares, il-President Angele Cuschieri rringrazzjat lill-Bank of Valletta għas-sostenn kontinwu tul is-snin. “Il-BOV għal Puttinu huwa bħal sieħeb li jakkumpanjana fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. Filfatt kien hemm għalina meta fittixna l-finanzjament għall-appartamenti ta’ Londra, billi offra rati preferenzjali ta’ self. Il-Bank ukoll jgħinna fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li ntellgħu fil-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-proġett probabbli huwa l-ikbar wieħed li qatt dħalna għalih, perὸ l-appoġġ li qed nirċievu jkompli jagħmlilna kuraġġ biex naraw it-tlestija tiegħu.”

Intant, bħalissa l-Fondazzjoni Puttinu Cares qed taħdem fuq it-tlestija ta’ 27 appartament f’Londra li għandhom joffru kenn għall-pazjenti u l-familjari tagħhom li jirċievu trattament kontra l-kanċer fl-Ingilterra. Bħalissa hemm bejn 60 u 90 pazjent ifittxu kenn f’Londra grazzi għal Puttinu Cares. Il-perjodu ta’ akkomodazzjoni jvarja skont il-każ, b’uħud ikollhom bżonn saħansitra jibqgħu għal xhur u snin sħaħ.

Ekonomija

Sport