Fl-aħħar jiem il-Bank of Valletta ġie ċċertifikat mill-ġdid bil-Marka tal-Ugwaljanza. Din iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża tingħata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) u tirrikonoxxi l-isforzi ta’ organizzazzjoni biex jipprovdu ambjent tax-xogħol b’saħħtu li jkun ħieles minn kull tip ta’ diskriminazzjoni.
Meta kkummenta dwar din iċ-ċertifikazzjoni, Ray Debattista, li huwa responsabbli mill-funzjoni tal-People and Culture tal-Bank, sostna li, “ninsabu sodisfatti li ġejna ċċertifikati mill-ġdid bil-Marka tal-Ugwaljanza, kisba li hija prova tanġibbli tal-impenn tal-Bank mal-impjegati tiegħu, li nirrikonoxxu r-responsabbiltà li nipprovdu aċċess ugwali għal opportunitajiet u żvilupp tal-karriera bbażat fuq il-potenzjal, irrispettivament mis-sess u responsabbiltajiet ta’ kura.”
Fil-valutazzjoni tagħha, l-NCPE wettqet verifika tal-politika u l-prattiki tal-Bank, strateġiji ta’ reklutaġġ, ugwaljanza f’opportunitajiet ta’ karriera u żvilupp personali, kif ukoll miżuri favur il-familja għall-impjegati. Dan ir-rikonoxximent formali jikkonferma li l-prattiki tal-Bank huma konformi mal-istandards u aċċessibbli kemm għall-impjegati eżistenti kif ukoll dawk prospettivi. Fl-istess waqt, huwa żgurat li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-impjegati kollha jkunu rispettati u salvagwardjati. Dan huwa msaħħaħ aktar bit-twaqqif ta’ politiki li jiffokaw fuq opportunitajiet indaqs u li jfittxu li jiżguraw protezzjoni xierqa kontra l-fastidju sesswali, billi jipprovdu appoġġ kontinwu permezz ta’ miżuri favur il-familja. Miżuri u rikonoxximent bħal dawn huma elementi importanti li min-naħa jgħinu fiż-żamma tal-impjegati u min-naħa l-oħra, jattiraw impjegati prospettivi.
Waqt li kompla jispjega l-missjoni tal-Bank għan-nies tiegħu, Ray Debattista sostna li, “f’organizzazzjoni kbira bħal tagħna, b’forza tax-xogħol ta’ aktar minn 2,000 ruħ, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija parti mill-formula għal strateġija ta’ suċċess orjentata lejn in-nies. Fid-dinja multikulturali tal-lum u f’organizzazzjoni li hija impenjata bis-sħiħ favur prattiċi tal-ESG, id-diversità u l-inklużjoni għandhom prominenza fuq l-aġenda tagħna. Huwa għalhekk li waqqafna Kumitat għad-Diversità, l-Inklużjoni, u l-Ugwaljanza. Dan il-kumitat huwa magħmul minn grupp ta’ impjegati li qed jaħdmu flimkien biex jippromwovu ambjent b’saħħtu, u jiżguraw li l-impjegati jkollhom opportunitajiet indaqs irrispettivament mill-età, razza, sfond kulturali, ħiliet, twemmin, u orjentazzjoni sesswali.
Dr Tania Camilleri li tmexxi l-Kumitat DIE spjegat li “l-kumitat għandu l-għan li jmexxi l-politika tagħna dwar id-diversità u l-inklużjoni fl-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum. Matul ix-xhur li għaddew, il-kumitat organizza diversi inizjattivi fosthom ‘Uniqueness Campaign’ li wriet l-uniċità tan-nies tal-BOV u sensiela ta’ workshops li jiddiskutu l-burn-out u kif nistgħu niġġielduh. Dr Camilleri stqarret ukoll li l-Kumitat se jkun qed jaqsam ħiliet għall-mexxejja biex jippromwovu ftehim, kompassjoni, u appoġġ akbar għad-diversità madwar il-Bank.”
Bħalma sostna s-Sur Debattista, dawn l-inizjattivi jaffermaw mill-ġdid l-isforzi tal-Bank biex jassigura li l-ambjent tax-xogħol tiegħu jkun konġenjali għall-bini ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol b’saħħithom fost in-nies tiegħu u biex effettivament ikun l-għażla ewlenija fost min iħaddem.