Saturday, December 21, 2024

Il-BOV jieħu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin anniversarju f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta bi pjaċir iħabbar il-ħames minn sensiela ta’ kunċerti qosra li qed jittellgħu biex jimmarkaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin anniversarju tiegħu. Dan il-kunċert huwa l-ewwel wieħed f’din is-sensiela li se jittella’ f’Għawdex. Skedat għal nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2024, fis-19:00, din is-serata mistennija tkun waħda li toffri mużika klassika u taħdita affaxxinanti dwar ir-restawr tal-arti. B’dan il-mod, il-Bank qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu għall-arrikkament kulturali u involvement aktar dirett fil-kommunitajiet Maltin u Għawdxin.

Il-protagonist ewlieni f’dan il-kunċert ser ikun il-Kwartett rinomat Cordia flimkien ma’ Jacob Portelli fuq l-arpa. Dan l-avveniment huwa wieħed minn sensiela li ttellgħu f’diversi bliet u rħula Maltin, fosthom ġewwa l-Belt Valletta, il-Kalkara, Ħal-Tarxien u s-Siġġiewi. Min jattendi se jkun jista’ jitpaxxa b’repertwarju notevoli ta’ mużika klassika, inkluż Kunċert għal Żewġ Vjolini f’A Minuri, RV 522 ta’ Antonio Vivaldi, Kunċert għall-Arpa ta’ Händel, kif ukoll Kunċert ta’ Sinfonija għall-Arpa ta’ Johann Christian Bach, u Kunċert Doppju għall-Vjolin  ta’ Johann Sebastian Bach . 


Minbarra l-ispettakli mużikali, is-serata se tkun qed titfa’ d-dawl ukoll fuq l-impenn tal-Bank biex jippreserva l-wirt Malti. L-udjenza se tkun tista’ ssegwi wkoll taħdita minn Godwin Cutajar, il- konservatur tal- arti stimat, responsabbli għar-restawr taʼ sett impressjonanti taʼ għoxrin pittura taʼ Emvin Cremona, l- artist prominenti tas- seklu 20. Il-pitturi, li tlestew bejn l-1954 u l-1962, oriġinarjament kienu ddendlu fis-Santwarju Tal-Madonna ta’ Pinu qabel ma ntbagħtu lejn l-Italja biex jintużaw għal riproduzzjonijiet tal-możajk. Dawn ix-xogħlijiet ġew skoperti wara għexieren ta’ snin li fihom kienu maħżuna f’kundizzjonijiet ħżiena, li wasslu għal ħsara sinifikanti. Ir-restawr li sar fl-2006 bl-appoġġ tal-Bank, ta lura l-ħajja lil dawn il-biċċiet imprezzabbli tal-istorja tal-arti Maltija. Godwin Cutajar se jagħti ħarsa lejn il-proċess metikoluż tar-restawr li għamel fuq dawn l-20 pittura, li ħafna minnhom kienu ġarrbu tfarrik, toqob, xquq, kif ukoll ħmieġ. Huwa ser jagħti dettalji dwar it-tekniki ta’ konservazzjoni li ntużaw biex jippreservaw dawn ix-xogħlijiet artistiċi. 

Dan l- avveniment huwa bla ħlas u kulħadd jista’ jattendi. Se jkun hemm postijiet disponibbli fuq il- bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda. 

Waqt li tkellem dwar dan il-kunċert, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, Ernest Agius spjega, “Aħna kuntenti li qed inwasslu dan l-avveniment kulturali f’Għawdex, u nsaħħu r-rabtiet tagħna mal-komunità hawn. Għalina fil-Bank ta’ Valletta, dan mhuwiex sempliċement kunċert. Din hija opportunità biex nipparteċipaw mal-klijenti tagħna permezz ta’ esperjenzi kondiviżi ta’ arti u wirt kulturali. Il-BOV jibqa’ impenjat li jifrex il-preżenza tiegħu madwar Malta u Għawdex, u dan l-avveniment jirrifletti dan l-impenn.”

Ekonomija

Sport