Sunday, November 24, 2024

Il-BOV jiftaħ l-ewwel ċentru tal-benesseri finanzjarji fil-Furjana

Aqra wkoll

L-ewwel Ċentru tal-Benesseri Finanzjarju tal-Bank of Valletta fetaħ uffiċjalment il-bibien tiegħu l-ġimgħa li għaddiet, u dan l-avveniment immarka pass importanti fis-settur tas-servizzi finanzjarji lokali. Għall-ftuħ attendew iċ-Chairman tal-Bank, Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, iċ-Chief Personal & Wealth Officer Simon Azzopardi, u ċ-Chief Operations Officer Ernest Agius.

Iċ-Ċentru tal-Benesseri Finanzjarju, li jinsab fi Triq Sant’Anna l-Furjana, joffri servizz komprensiv kemm lill-klijenti personali kif ukoll dawk kummerċjali. Is-servizzi offruti jinkludu l-ippjanar finanzjarju, is-self, l-investimenti u l-ippjanar għall-irtirar. Is-servizz huwa offrut speċifikament permezz ta’ konsultazzjonijiet ma’ maniġers dedikati jew impjegati oħra speċjalizzati li huma esperti fil-qasam tagħhom. Wieħed jista’ jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Bank fi spazju privat biex jiżguraw privatezza u kunfidenza sħiħa lill-klijent. Il-klijenti jiġu moqdija għall-konvenjenza tagħhom mill-istess persuni li jassistuhom mill-fergħa tagħhom. Huma jistgħu wkoll jitolbu esperti oħra għal servizzi speċifiċi.

F’indirizz qasir, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress tal-Bank biex l-esperjenza tal-klijenti tilħaq il-livell li jmiss. “Aħna sodisfatti li qed niftħu ċ-Ċentru tal-Benesseri Finanzjarju tal-Bank fil-Furjana. Din hija innovazzjoni kemm għall-BOV kif ukoll għall-gżejjer Maltin, f’konformità mal-missjoni tagħna li nagħtu s-setgħa lill-individwi bl-għarfien u l-għodod li jeħtieġu biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji sodi u infurmati. Dan iċ-Ċentru l-ġdid jirrappreżenta pass kruċjali ‘l quddiem fl-istrateġija tagħna mmexxija madwar il-klijent hekk kif aħna niffukaw fuq li nieħdu approċċ olistiku għall-esperjenza tas-servizz tal-Bank.”

Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer, kompla jespandi dwar dan l-approċċ olistiku taċ-Ċentru lejn is-servizz tal-konsumatur. “Iċ-Ċentru tagħna huwa ddisinjat speċifikament biex joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi li jħaddnu dak kollu li l-klijenti tagħna jista’ jkollhom bżonn f’kull stadju tal-vjaġġ finanzjarju tagħhom. Aħna nemmnu tassew fil-benesseri finanzjarju tal-klijenti tagħna u dan l-approċċ personalizzat se jiżgura li l-klijenti tagħna jirċievu parir espert li tassew jgħinhom jilħqu l-objettivi finanzjarji tagħhom.”

Dr Gordon Cordina, Chairman tal-BOV, enfasizza l-importanza strateġika taċ-Ċentru. “It-twaqqif ta’ dan iċ-Ċentru jenfasizza l-impenn tal-Bank li jrawwem ir-reżiljenza finanzjarja fis-soċjetà tal-lum. Aħna intrinsikament marbuta mal-ekonomija Maltija u fl-istorja tagħna ta’ 50 sena konna preżenti fil-ħajja tal-maġġoranza tal-Maltin. Il-Bank qed jassigura li l-preżenza fiżika tiegħu f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex tiġi kkonsolidata mhux biss mill-fergħa tradizzjonali, iżda wkoll minn fergħat oħra aktar innovattivi, li jagħmlu lill-Bank aktar rilevanti fil-preżent. Dan iċ-Ċentru jsaħħaħ l-aspirazzjonijiet tagħna biex inkomplu nkunu mexxejja u innovaturi fis-settur finanzjarju u katalist għal bidla pożittiva.”

Il-klijenti li jixtiequ jiddiskutu mat-tim tagħna fiċ-Ċentru tal-Benesseri Finanzjarju l-ġdid tal-BOV jistgħu japplikaw onlajn għall-appuntamenti. Inkella, jistgħu jiskennjaw il-Kodiċi QR disponibbli barra ċ-Ċentru nnifsu biex jagħamlu appuntament fuq bov.com.

Sport