Waqt Ċerimonja ta’ Għoti ta’ Premjijiet li ttellgħet f’Washington D.C., il-Bank of Valletta ngħata rikonoxximent minn WSBI-ESBG għall-‘Inklużjoni u l-Impatt Soċjali’, b’rikonoxximent partikolari għall-eżempju u l-impenn tal-Bank fil-ħidma tiegħu li jintlaħqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia u ċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius ġew ippreżentati bit-trofew u ċ-ċertifikat kommemorattiv, mill-Kap Eżekuttiv tal-World Savings and Retail Banking Institute (WSBI), Peter Simon.
L-Unur ġie mogħti b’rikonoxximent għal tliet inizjattivi li l-Bank ħa matul is-sena 2024. L-ewwel waħda kienet l-introduzzjoni ta’ Programm ta’ Volontarjat għall-Impjegati, li ta l-fakultà lil madwar 2,400 impjegat tal-Bank li jiddedika ġurnata xogħol favur waħda mill-NGOs lokali. Inizjattiva oħra, li kienet imtellgħa bil-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni BOV, kien programm b’risq l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Immigranti Nisa, u li permezz tiegħu, refuġjati u immigranti nisa ngħataw taħriġ biex jiżviluppaw ħiliet ġodda u b’hekk jintegraw b’mod soċjali u ekonomiku f’pajjiżna. It-tielet inizjattiva li għaliha l-Bank ġie rikonoxxut, kien l-impenn fl-avveniment annwali tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza. Avveniment li fl-2024, iġġenera ’l fuq minn €460,000 f’fondi b’risq il-kura, it-terapija u l-faċilitajiet tal-istess Dar.
Waqt iċ-ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-impenn u l-ħidma tal-Bank b’risq il-membri vulnerabbli tas-soċjetà ġie rikonoxxut fuq livell internazzjonali. “Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Bank of Valletta dejjem kien katalista fl-Inklużjoni Soċjali u l-Ġid tas-Soċjetà. Is-sena li għaddiet, hekk kif konna qed niċċelebraw il-50 anniversarju tal-BOV, introduċejna Programm ta’ Volontarjat għall-Impjegati u fl-ewwel sena tiegħu ġew mogħtija ’l fuq minn 3,500 siegħa ta’ servizz komunitarju min-nies tagħna. Dan il-programm qed iservi biex tissaħħaħ il-kultura soċjali u l-involviment tal-impjegati u fl-istess waqt tiżdied il-kapaċità tal-ħidma tal-NGOs lokali li qed nikkollaboraw magħhom. F’din it-tieni sena ta’ dan il-programm, diġà qed naraw iżjed ingaġġ mill-impjegati li għaldaqstant jirriżulta f’impatt ikbar b’risq il-komunità”.
Is-Sur Farrugia kompla jgħid li “B’rabta mal-50 anniversarju tal-Bank, is-sena l-oħra wkoll ġiet imwaqqfa l-Fondazzjoni BOV, li taħdem id f’id mat-Taqsima tas-CSR tal-Bank, fit-twettiq tal-programm ambizzjuż tar-Responsabbiltà Korporattiva.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Operations Officer tal-BOV Ernest Agius, li jifforma wkoll parti mill-Bord tal-Fondazzjoni BOV, qal li “Wieħed mill-iktar proġetti li ħallew impatt fuq il-komunità, kien dak li l-Bank u l-Fondazzjoni BOV tellgħu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Immigranti Nisa. Dan il-programm iffoka fuq l-integrazzjoni ta’ nisa li ġew Malta jfittxu l-ażil bħala refuġjati, billi ngħataw taħriġ minn stilista tal-moda professjonali, u b’hekk żviluppaw ħiliet fil-ħjata, fid-disinn tal-ħwejjeġ u fl-industrija tal-moda f’Malta.”
Is-Sur Agius irrimarka li “Sa mill-bidu tiegħu, dan il-programm ra numru kbir ta’ parteċipanti li diġà daħlu fid-dinja tan-negozju, jew fis-suq tax-xogħol fl-industrija tal-moda u tat-tessuti.”
Id-dettalji dwar il-ħidma tal-BOV favur il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli, jinsabu fuq is-sit ta’ WSBI-ESBG: https://www.wsbi-esbg.org/sdgs/sdg-10-malta-bank-of-valletta/.