Monday, December 15, 2025

IL-BOV JIRĊIEVI ĊERTIFIKAZZJONI PRESTIĠJUŻA ISO 37001 FUQ SISTEMI TA’ MMANIĠĠJAR KONTRA T-TIXĦIM

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta għandu l-pjaċir iħabbar li ngħata ċ-ċertifikazzjoni ISO 37001, standard internazzjonali dwar is-Sistemi ta’ Mmaniġġjar Kontra t-Tixħim, imfassal biex jgħin lill-organizzazzjonijiet jipprevjenu, jidentifikaw u jirrispondu għat-tixħim. 

Dan iċ-ċertifikat jirrikonoxxi l-politika ċara tal-Bank u l-pożizzjoni tiegħu kontra t-tixħim, l-impenn tat-tmexxija tiegħu li jappoġġja u jippromwovi b’mod attiv l-isforzi kontra t-tixħim u l-funzjoni tal-Compliance tiegħu li jissorvelja s-Sistemi ta’ Mmaniġġjar Kontra t-Tixħim. Il-Bank ġie rikonoxxut ukoll għall-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, għall-mekkaniżmi ta’ rappurtar u ta’ investigazzjoni tiegħu u għad-diliġenza dovuta li japplika għal proġetti, assoċjati tan-negozju u tranżazzjonijiet. It-taħriġ regolari mogħti lill-impjegati tal-Bank u lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ kontrolli għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni ta’ attivitajiet relatati mat-tixħim, ingħata wkoll kunsiderazzjoni xierqa.

Waqt li kkummenta dwar din il-kisba, Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, irrimarka li “l-kisba taċ-ċertifikazzjoni ISO 37001 timmarka pass sinifikanti ieħor għall-Bank, hekk kif huwa l-ewwel istituzzjoni finanzjarja lokali li qed tikseb dan ir-rikonoxximent internazzjonali prestiġjuż. Dan jirrifletti l-impenn tal-Bank għall-integrità u l-prattiki etiċi kummerċjali, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-fiduċja fost l-istakeholders tal-Bank.”

Anatoli Grech, BOV Group Chief Compliance Officer, żied li “din iċ-ċertifikazzjoni ssaħħaħ il-kultura tal-Bank li tippromwovi u tisfrutta t-trasparenza u l-imġiba etika. Iċ-ċertifikazzjoni ISO 37001 issaħħaħ ir-reputazzjoni korporattiva tal-Bank, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, u tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni b’saħħitha tal-Bank fis-suq.”

Bureau Veritas, organizzazzjoni internazzjonali fl-industrija taċ-Ċertifikazzjoni u l-Ispezzjoni, kienet l-organizzazzjoni indipendenti ta’ Ċertifikazzjoni biex tivverifika li l-BOV jopera f’konformità sħiħa mal-istandard ISO 37001. 

Peter Cain, Country Manager ta’ Bureau Veritas Malta, qal: “Infaħħru lit-tim kollu tal-BOV għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tiegħu biex jikseb din iċ-ċertifikazzjoni importanti, li tirrifletti l-impenn għall-eċċellenza u standards etiċi tan-negozju. Bureau Veritas huwa grat għall-fiduċja tal-BOV fis-servizz tagħna, u ħerqana għal sħubija twila u ta’ suċċess.”

Dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni rigoruż jenfasizza l-impenn sod tal-BOV għal prattiki kummerċjali etiċi, ta’ trasparenza, u integrità organizzattiva, li jipprovdi lill-istakeholders b’assigurazzjoni qawwija dwar il-pożizzjoni proattiva tal-kumpanija fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u protokolli stretti ta’ konformità. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport