Thursday, December 26, 2024

Il-BOV jirċievi l-marka ta’ kwalità għall-eċċellenza fir-riżorsi umani mill-FHRD

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ħabbar li ngħata l-Marka ta’ Kwalità mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani (FHRD), rikonoxximent ta’ eċċellenza fil-ġestjoni tar-riżorsi umani. Il-premju ġie ppreżentat lil Ray Debattista, Chief People and Culture Officer tal-Bank, waqt il-Konferenza Annwali tal-FHRD, li għaliha attendew mas-650 professjonist tar-Riżorsi Umani minn madwar Malta u Għawdex.

Il-Marka ta’ Kwalità tal-FHRD tenfasizza l-professjonalità, il-kompetenza u l-kontribut tal-funzjoni tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-organizzazzjonijiet. Din il-kisba tirrifletti l-impenn tal-Bank li jkun Il-Post tax-Xogħol tal-Għażla permezz tal-approċċ strateġiku tiegħu għall-iżvilupp tal-impjegati fi rwol ta’ tmexxejja, l-involviment tal-impjegati, u l-benesseri ġenerali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-prattiċi tar-Riżorsi Umani tal-Bank ġew evalwati abbażi ta’ sitt kategoriji ewlenin, jiġifieri l-Istrateġija, it-Talent, l-Involviment tal-Impjegati, il-Karriera, l-Effiċjenza, u r-Relazzjonijiet.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-Bank kien qed jimplimenta għadd ta’ inizjattivi li jiffokaw fuq it-trawwim ta’ kultura ta’ tagħlim kontinwu, l-appoġġ tal-impjegati fl-iżvilupp tagħhom, u l-prijoritizzazzjoni tas-saħħa fiżika u mentali tagħhom. L-isforzi tal-Bank jinkludu wkoll inizzjattivi biex tinbena tmexxija b’saħħitha, it-titjib tal-ġestjoni tat-talent, u l-għoti ta’ sigurtà finanzjarja permezz ta’ skema volontarja ta’ pensjoni okkupazzjonali, li għaliha l-Bank jikkontribwixxi daqs l-impjegat sa massimu ta’ EUR 2,400 fis-sena għal kull impjegat. 

“Il-kisba tal-Marka tal-Kwalità fir-Riżorsi Umani tal-FHRD hija pass importanti għalina,” qal Ray Debattista. “Dan huwa xhieda tad-dedikazzjoni tagħna biex noħolqu ambjent pożittiv u prosperuż fejn l-impjegati tagħna jistgħu jikbru, jiżviluppaw, u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan ir-rikonoxximent isaħħaħ l-impenn tagħna li nkunu minn ta’ quddiem fl-eċċellenza fir-riżorsi umani. Aħna se nkomplu ninnovaw u naħdmu biex ikollna post tax-xogħol fejn l-impjegati tagħna jħossuhom appoġjati u involuti b’mod dirett.”

Il-President tal-FHRD, Noel Debono qal li “Ninsabu kuntenti li qed nirrikonoxxu lill-Bank of Valletta bil-Marka tal-Kwalità fir-Riżorsi Umani. L-approċċ komprensiv tagħhom biex itejbu l-involviment, l-iżvilupp u l-inklużività tal-impjegati kien evidenti matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, u huma jservu bħala eżempju ta’ prattiki tajbin fil-ġestjoni tar-Riżorsi Umani”. 

Il-Bank of Valletta jibqa’ ddedikat li jżomm standards għoljin fl-aspetti kollha tal-operat tiegħu, u jiżgura li l-impjegati tiegħu jibqgħu fil-qalba tas-suċċess u t-tkabbir futur tiegħu.

Ekonomija

Sport