Sunday, December 22, 2024

Il-BOV jirreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €148.2 miljun għall-ewwel nofs tal-2024

Aqra wkoll

Fl-ewwel nofs tal-2024, il-Grupp Bank of Valletta kellu prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha, bi profitti qabel it-taxxa ta’ €148.2 miljun, li jirrappreżentaw żieda ta’ 40.9% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Iż-żieda fil-profittabbiltà rriżultat minn tkabbir qawwi fid-dħul mill-imgħax, u sa ċertu punt, minn flussi ta’ tariffi u kummissjonijiet netti, sostnuti minn sforzi biex titjieb l-effettività tal-ispejjeż u l-effiċjenza. Il-Bank kompla jsegwi strateġija ta’ ottimizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ, li jbiddel il-likwidità għal żmien qasir f’assi fit-tul biex jiżgura profitabbiltà fit-tul.

Il-Bank irreġistra Dħul Nett mill-Imgħax (NII) ta’ €193.6 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 21.1% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dħul Nett mit-Tariffi u Kummissjonijiet żdied b’6.5% u laħaq €36.7 miljun, b’riżultati pożittivi reġistrati f’oqsma ewlenin ta’ dħul inkluż negozju relatat mal-kreditu u finanzjament tal-kummerċ, kif ukoll senserija u attivitajiet oħra relatati mal-investiment.

L-ispejjeż operattivi rreġistraw tnaqqis ta’ €2.3 miljun u niżlu għal €90.7 miljun, bl-ispejjeż tal-kapital uman bħala l-mutur ewlieni, segwiti minn spejjeż relatati mat-teknoloġija. L-isforzi tal-Bank biex jimmaniġġja l-ispejjeż tiegħu rriżultaw fi tnaqqis fl-ispejjeż fil-maġġoranza tal-kategoriji varji, bil-proporzjon tal-ispejjeż għal dħul jonqos sostanzjalment minn 47.9% f’Ġunju 2023 għal 40.7% f’Ġunju 2024. 

L-istrateġija tal-Grupp biex jottimizza l-karta tal-bilanċ kompliet tkun iċċentrata fuq in-negozju ewlieni tiegħu ta’ finanzjament u l-ġestjoni tal-likwidità żejda. It-teżor tal-Grupp kompla jaħdem tajjeb bis-saħħa ta’ volumi miżjuda u titjib fil-marġni nett ta’ imgħax fuq il-portafoll ta’ investiment, kif ukoll imgħax li kien ġej mid-depożiti ta’ flus miżmuma mal-Bank Ċentrali. Filwaqt li l-flus kontanti u l-fondi għal żmien qasir naqsu b’€1.1 biljun meta mqabbla mal-aħħar ta’ Diċembru 2023, l-investimenti fil-portafoll tat-teżor żdiedu b’€723.2 miljun.

Self u avvanzi lill-klijenti ammontaw għal €6.6 biljun fi tmiem l-ewwel nofs tas-sena, li rriżultaw f’żieda netta ta’ €374 miljun, b’livelli għoljin ta’ tkabbir kemm fuq avvanzi tan-negozju kif ukoll dawk tal-bejgħ bl-imnut. Id-depożiti tal-klijenti esperjenzaw żieda marġinali ta’ €14.9 miljun, li laħqu €12.2 biljun. Dan wassal għal żieda favorevoli fil-proporzjon ta’ self gross għal depożiti tal-Grupp minn 51.7% fi tmiem l-2023 għal 54.7% fi tmiem Ġunju 2024, f’konformità mad-direzzjoni fit-tul tal-Bank.

Wara dawn l-iżviluppi, il-Bank żamm Proporzjon ta’ Kopertura ta’ Likwidità ta’ 357% fit-30 ta’ Ġunju 2024. B’fokus kontinwu fuq il-kwalità tal-assi u indebolimenti relatati, il-proporzjon ta’ self improduttiv mar taħt il-marka ta’ 3% sa Ġunju 2024. L-ekwità tal-Grupp kienet ta’ €1.3 biljun, żieda ta’ €68.7 miljun, filwaqt li l-valur nett tal-assi għal kull sehem fl-aħħar ta’ Ġunju 2024 kien ta’ €2.3 għal kull sehem (Diċembru 2023: €2.2 għal kull sehem).

Insaħħu l-aspirazzjonijiet tagħna li nkunu mexxejja u innovaturi fis-settur finanzjarju – Dr Gordon Cordina, Chairman 

“Bi pjaċir nirrapporta prestazzjoni finanzjarja qawwija oħra mill-Grupp BOV għall-ewwel sitt xhur tal-2024. Dan huwa aktar u aktar sinifikanti fil-kuntest ta’ xenarju ekonomiku internazzjonali dgħajjef imċajpar b’inċertezza. Il-profitabbiltà tal-BOV kompliet tibbenefika mill-ambjent ta’ rati tal-imgħax għoljin fuq skala internazzjonali, u d-deċiżjoni tagħna li nżommu r-rati tal-imgħax mhux mibdula għal maġġoranza tal-klijenti filwaqt li nżommu bażi kapitali b’saħħitha ħafna.

Aħna rreġistrajna prestazzjoni soda f’ħafna mill-oqsma ewlenin tan-negozju tagħna. Rajna tkabbir fis-self tal-klijenti, ikkontrollajna ċ-ċaqliq fid-depożiti tal-klijenti u komplejna nespandu l-portafoll tal-bonds tagħna bil-għan li nsaħħu r-redditu fuq żmien itwal. Iċ-ċifri tal-karta tal-bilanċ tal-Grupp BOV huma estremament inkoraġġanti, b’rendiment qabel it-taxxa fuq ekwità medja (ROAE) ta’ 22.8% u l-proporzjon tal-Kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1) tal-Grupp f’Ġunju 2024 ta’ 22.3%.

Fix-xhur li ġejjin se nsaħħu r-rieda tagħna li nkomplu fuq din it-trajettorja. Se nistinkaw biex insostnu l-prestazzjoni tal-Bank, inġeddu d-determinazzjoni tagħna biex insiru dejjem aktar iċċentrati fuq il-klijent, intejbu l-maturità diġitali tagħna u nkomplu ninvolvu ruħna mal-partijiet interessati biex nenfasizzaw l-importanza tal-ESG u ninstigaw bidla fl-imġieba b’mod partikolari permezz ta’ inċentivi ta’ prezzijiet biex insaħħu l-attrazzjoni tal-ESG għan-negozji u d-djar bl-istess mod. Il-prestazzjoni finanzjarja tal-Bank issaħħaħ l-aspirazzjonijiet tagħna li nkunu mexxejja u innovaturi fis-settur finanzjarju u katalisti għal bidla pożittiva.”

Inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala l-bank ewlieni f’Malta – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv

“Matul l-ewwel nofs tal-2024, il-Grupp BOV żamm il-qagħda finanzjarja b’saħħitha tiegħu, u bena fuq il-prestazzjoni eċċellenti rreġistrata fl-2023 u sostnuta fl-ewwel kwart tal-2024. Il-prestazzjoni pożittiva kienet ikkaratterizzata minn tkabbir qawwi fid-dħul operattiv tagħna, b’mod partikolari b’enfasi fuq l-dħul mill-imgħax u fuq linji ta’ negozju li mhumiex immexxija minn dħul mill-imgħax, filwaqt li nżommu wkoll fokus qawwi fuq l-ispejjeż tagħna. Komplejna naraw ċaqliq pożittiv kemm fil-finanzjament kummerċjali kif ukoll bl-imnut, u ninsab sodisfatt bl-interess muri lejn is-soluzzjonijiet tagħna ta’ ‘finanzjament ekoloġiku’. Fuq in-naħa tad-dħul nett mit-tariffi u l-kummissjonijiet, il-Bank kompla jirreġistra tkabbir f’numru ta’ oqsma tan-negozju.

Meta nirrifletti fuq din il-prestazzjoni, ma nistax ma nikkonfermax mill-ġdid l-impenn sod tagħna biex inkomplu nsaħħu l-kwalità tal-esperjenza tas-servizz tal-klijenti fl-operat tagħna. Inkomplu ninvestu fl-offerta tas-servizz diġitali u dalwaqt se nkunu wkoll nibdew il-proċess biex nimmodernizzaw il-flotta tagħna tal-ATMs madwar Malta u Għawdex.

Bi pjaċir ninnota li l-isforzi tagħna biex intejbu l-esperjenza tal-klijent qed iħallu l-frott. Qed nirreġistraw titjib fin-net promoter scores u l-klassifikazzjonijiet tas-servizz tal-konsumaturi, bil-klijenti jsemmu servizz tajjeb u sodisfazzjon ġenerali fil-mezzi tagħna li minnhom nagħmlu kuntatt mal-klijenti, bħala fatturi ewlenin għal dan it-titjib. Il-klassifikazzjonijiet attwali huma konformi mal-miri ambizzjużi tagħna għal din is-sena, u l-għarfien miġbur qed jipprovdilna aktar opportunitajiet biex inkomplu ntejbu l-offerta tas-servizz tagħna, partikolarment fis-servizzi diġitali u fl-effiċjenza, biex nillinjaw aktar mal-aspettattivi tal-klijenti.

Il-prestazzjoni tal-Bank irreġistrata s’issa hija r-riżultat tal-istrateġija ambizzjuża li qed immexxu ‘l quddiem, strateġija mmirata li tpoġġi lill-Bank of Valletta bħala l-bank ewlieni f’Malta. Matul ix-xhur li ġejjin se nkomplu nieħdu l-isfidi tal-industrija finanzjarja moderna u mgħaġġla hekk kif inkomplu bil-mixja tagħna li qed tieħu lil dan il-Bank minn tajjeb għal aħjar.”

Ekonomija

Sport