Il-Bank of Valletta rreġistra prestazzjoni b’saħħitha fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, u rrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ €192.1 miljun, bit-total tal-assi jaqbeż is-€16-il biljun. F’dan il-perjodu kompliet tikber il-karta tal-bilanċ, issaħħet il-kwalità tal-assi, kiber id-dħul mill-operat sena fuq sena, u tnedew b’suċċess diversi inizjattivi strateġiċi, fosthom il-programm ta’ xiri lura tal-ishma u l-introduzzjoni fis-suq bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni ġenerali.
Il-Grupp jibqa’ wkoll f’qagħda tajba li jilħaq il-mira li sal-aħħar tal-2025 jirreġistra qligħ qabel it-taxxa f’firxa ta’ bejn €215-il miljun u €250 miljun, kif diġà kien imbassar. B’impenn lejn l-obbligu li jżid il-valur lill-azzjonisti, il-Bank mistenni li jżomm mal-politika li fassal, li għandha twassal biex iqassam sa 50% tal-profitti wara t-taxxa, ladarba l-kundizzjonijiet tas-suq jibqgħu favorevoli.
Prestazzjoni Finanzjarja
Il-Grupp irreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €192.1 miljun għall-ewwel disa’ xhur, xprunat minn dħul operattiv b’saħħtu. Waqt li l-profittabilità kienet 14.2% inqas mis-sena ta’ qabel, dan ir-riżultat jirrifletti l-investiment strateġiku tal-Bank fil-vjaġġ ta’ trasformazzjoni, hekk kif kompla jawtomatizza l-proċessi, jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ dejta, u d-diġitalizzazzjoni. Il-qligħ mill-operat tal-Grupp ammonta għal €185 miljun li ntlaħaq permezz ta’ dħul operattiv ogħla ta’ €365.1 miljun, b’riżultati pożittivi jiġu reġistrati fid-Dħul Nett mill-Imgħax u fid-Dħul mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet. L-ispejjeż żdiedu bi 15.6%, li jirrifletti l-investiment tal-Bank fil-ħiliet u t-teknoloġija.
L-assi totali żdiedu bi kważi €1 biljun matul dawn id-disa’ xhur, biex sal-aħħar ta’ Settembru 2025 qabżu s-€16-il biljun. L-attività fis-suq tal-kreditu baqgħet b’saħħitha, il-ktieb tas-self kompla jikber fl-oqsma kollha ewlenin, bi tkabbir ta’ 8.7% fil-qasam tas-self kummerċjali u 13.2% fil-qasam tas-self personali. Id-depożiti tal-klijenti baqgħu juru żieda, sew mill-klijenti personali kif ukoll dawk tan-negozju, xhieda tal-fiduċja b’saħħitha tas-suq.
Il-Portafoll tat-Teżor tal-Grupp ra tkabbir sinifikanti matul l-2025, li wassal biex waqt li l-Bank iżomm il-livell neċessarju ta’ assi likwidi, ikun jista’ juża l-fondi biex jottimizza r-redditu u jiġġenera d-dħul bl-aqwa mod possibbli. Il-kwalità tal-assi tal-Grupp kompliet tissaħħaħ matul dan il-perjodu, xprunata minn ġestjoni tar-riskju dixxiplinata u sorveljanza proattiva tal-portafoll tal-kreditu. B’mod partikolari, il-proporzjon tas-self li ma jrendix (NPL) naqas għal 1.9% f’Settembru 2025, u mmarka l-aktar livell baxx tiegħu f’ħafna snin. Dan jirrifletti l-effettività tal-inizjattivi li għaddejjin biex tittejjeb il-kwalità tal-kreditu u jiġu rkuprati skoperturi li ma jrendux. Il-proporzjonijiet kapitali tal-Grupp baqgħu b’saħħithom u ogħla mir-rekwiżiti regolatorji.
“Nimxu b’reżiljenza f’xenarju ekonomiku dinamiku” – Dr Gordon Cordina, Chairperson
Iċ-Chairperson Dr Gordon Cordina, fil-kummenti tiegħu dwar il-prestazzjoni tal-Bank sa dan il-perjodu qal, “Ninsab kuntent li nara l-Grupp BOV isostni l-prestazzjoni tiegħu tul l-ewwel disa’ xhur tas-sena, xhieda tal-impenn tagħna lejn tkabbir sostenibbli, ġestjoni tar-riskju prudenti, ottimizzazzjoni tal-kapital u ħolqien ta’ valur għall-azzjonisti.
“Qed inkomplu ninnavigaw minn qalb bosta sfidi kawża ta’ xenarju ġeopolitiku inċert, ċaqliq fir-rata tal-imgħax mill-Bank Ċentrali Ewropew, u żviluppi ekonomiċi internazzjonali. Minkejja dawn l-isfidi, il-prestazzjoni tagħna baqgħet b’saħħitha. Ir-riżultati jirriflettu eżekuzzjoni dixxiplinata tal-istrateġija tagħna, b’investiment iffukat fuq it-teknoloġija, it-talent, u d-diversifikazzjoni tal-prodotti,” tenna Dr Cordina.
“Prestazzjoni b’saħħitha u sostnuta” – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv
Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, kompla fuq il-kummenti ta’ Dr Cordina, billi nnota li l-Bank of Valletta qed ikompli jirreġistra prestazzjoni b’saħħitha, f’konformità mal-aspettattivi stabbiliti fil-bidu tas-sena. “Bi pjaċir ninnota s-saħħa tan-negozju ewlieni tagħna, l-espansjoni tal-karta tal-bilanċ, titjib fil-kwalità tal-assi, u l-qagħda robusta ta’ kapital u likwidità.
“Il-klijenti tagħna jkomplu jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-Bank. Depożiti b’saħħithom kemm minn klijenti personali kif ukoll minn dawk korporattivi jirriflettu l-fiduċja fis-suq u l-kapaċità tal-Bank li jattira u jżomm il-likwidità, filwaqt li l-portafoll tal-kreditu tagħna ikompli jikber fl-oqsma ewlenin kollha. Qed inkomplu nsaħħu l-attività ta’ investiment tagħna, bir-riorganizzazzjoni strateġika tal-likwidità f’assi li jġorru l-imgħax aktar fit-tul tkompli matul dan il-perjodu. L-isforzi tagħna biex niddiversifikaw, kif enfasizzat miċ-Chairperson, qed jgħinu lill-Grupp iżomm flussi ta’ introjtu reżiljenti, anke f’ambjent ta’ rata tal-imgħax li qed tonqos.”

