Il-Bank of Valletta huwa impenjat li jixpruna kultura fejn l-impjegati tiegħu jieħdu sehem attiv f’avvenimenti li jsaħħu l-għaqda bejniethom u li jixprunaw il-kreattività tagħhom lil hinn mill-post tax-xogħol. L-aħħar attività ta’ dan it-tip kienet it-tielet edizzjoni tal-BOVSSC Quiz Night, li saret fil-lukanda Qawra Palace. Dan l-avveniment, organizzat mit-tim tal-BOV Sports and Social Committee (BOVSSC) fi ħdan il-Bank b’kollaborazzjoni ma’ Outdoor Team, kompla jikber fil-popolarità matul is-snin. Din is-sena ħadu sehem numru rekord ta’ parteċipanti, 280 impjegat f’47 tim li ngħaqqdu għal lejla ta’ divertiment u kompetizzjoni amikevoli.
Imfassla bil-għan li tippromwovi kollaborazzjoni bejn funzjonijiet different fi spirtu ta’ ħbiberija, il-Quizz Night ippreżentat sfida lill-parteċipanti b’għadd ta’ mistoqsijiet li ttestjaw mhux biss l-għarfien ġenerali tagħhom, iżda wkoll kemm huma kapaċi jaħsbu malajr u jkunu kreattivi taħt pressjoni. Dan kollu seħħ f’atmosfera vibranti. It-timijiet kienu mistiedna li jattendu għal din l-attività b’kostumi b’tema magħżula minnhom, bl-aktar kostumi oriġinali u li spikkaw ġew premjati. It-timijiet rebbieħa kienu The Interchangeables, li kklassifikaw fit-tielet post, it-tim Away, li ġie fit-tieni post, filwaqt li t-tim bit-tema Investaholics rebaħ l-ogħla premju.
F’diskors waqt l-avveniment, Ernest Agius, Chief Operations Officer u President tal-BOV Sports and Social Committee (BOVSSC), spjega s-sinifikat ta’ inizjattivi bħal dawn, “Lil hinn mid-divertiment u l-logħob, inizjattivi bħal dawn huma importanti biex l-impjegati jingħaqqdu aktar bejniethom u li jappartjenu u jaqsmu l-istess skop. Dawn l-inizjattivi jirriflettu l-ispirtu qawwi ta’ tim li jħaddan il-Bank u jenfasizzaw l-importanza li nkomplu nibnu kultura b’saħħitha u li l-Bank verament jilħaq il-mira tiegħu li jkun il-post tax-xogħol tal-għażla f’Malta.”
Il-Bank of Valletta se jkompli bl-attvitajiet skedati fil-kalendarju tiegħu għall-impjegati, il-BOVSSC se jibqa’ ffiukat li jorganizza inizjattivi bħal dawn li jsaħħu l-esperjenza tal-ħaddiema u jippromwovi ambjent inklussiv b’saħħtu fi ħdan il-Bank.