L-Awtorità tad-Djar u l-Bank of Valletta ffirmaw ftehim li, permezz tiegħu, klijenti tal-BOV ukoll se jingħataw l-opportunità sabiex jaċċedu għall-garanzija tal-iskema New Hope.
Dan il-ftehim qed joffri tama ġdida lil dawk il-persuni li fil-passat ma rnexxilhomx jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja minħabba li kellhom xi mard, għandhom kundizzjonijiet mediċi jew xi diżabilità. B’hekk aktar persuni se jkunu qegħdin jingħataw l-opportunità li jsiru sidien ta’ darhom.
Permezz tal-iskema New Hope, l-Awtorità tad-Djar qed toffri garanzija li, fin-nuqqas ta’ polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, tkopri s-self sa massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li tintuża bħala r-residenza primarja tal-benefiċjarju. Dan kollu qed iwassal biex il-Gvern joffri alternattiva sigura lill-banek Maltin sabiex is-self li jkun mitlub mill-applikanti fuq xiri ta’ proprjetà, ikun jista’ jingħata mingħajr ma’ jintefa’ l-ebda riskju fuq il-bank jew il-qraba tal-persuna li jkun se jsir sid ta’ daru.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li huwa ta’ sodisfazzjon li aktar banek qegħdin joffru lill-klijenti tagħhom iċ-ċans li dawn, minkejja l-isfidi li jkunu għaddew jew għaddejjin minnhom, isiru sidien ta’ darhom u huma wkoll jibdew igawdu minn ċertezza u stabbiltà fil-ħajja tagħhom.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri qal li l-garanzija New Hope hija prova oħra kemm dan il-Gvern ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura. “Illum huwa jum importanti hekk kif il-Bank of Valletta, l-akbar bank kummerċjali f’pajjiżna, sar it-tielet bank lokali li ngħaqad f’din l-iskema u għaldaqstant anke l-klijenti ta’ dan il-bank jekk ikollhom bżonn jistgħu jagħmlu użu minn din l-iskema. Kienet realtà diffiċli għal dawn il-persuni li jsibu l-bibien magħluqa meta jmorru biex jieħdu self fuq proprjetà, minkejja li b’mod finanzjarju jkollhom dak kollu neċessarju biex jagħmlu dan. Skont dan il-Gvern din kienet inġustizzja ma’ min il-ħajja diġà tagħtu inġustizzja,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-introduzzjoni tal-bank BOV f’din l-iskema se jwassal sabiex aktar persuni jibdew igawdu minn serħan il-moħħ fil-ħajja tagħhom wara li jkunu għaddew minn diversi sfidi li sa ftit tax-xhur ilu, kienu qegħdin jimpeduhom milli jwettqu l-ħolma tagħhom u jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, is-Sur Kenneth Farrugia, qal li billi jingħaqad mal-New Hope Guarantee Scheme, il-bank se jkun qed jilħaq lil dawk il-klijenti li, sal-lum, ma setgħux jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja għas-self tad-dar tagħhom. Din l-assistenza timxi id f’id mal-filosofija tal-BOV li tpoġġi lill-klijent fiċ-ċentru tal-operat tiegħu u joħloq valur f’kull punt ta’ interazzjoni. L-introduzzjoni riċenti tal-BOV Home Loans Online Portal hija eżempju ċar ta’ dan, li toffri lis-sidien potenzjali tad-djar il-faċilità li japplikaw għal self għad-dar sempliċiment billi jidħlu fuq pjattaforma diġitali mill-kumdità tad-dar tagħhom.
Il-Ministru Galdes u l-Ministru Schembri rringrazzjaw liż-żewġ entitajiet konċernati tal-ħidma tagħhom f’dawn l-aħħar xhur sabiex aktar persuni jingħataw ċans li jsiru sidien ta’ darhom.