Saturday, October 26, 2024

Il-BOV Tennis Masters Top 8 se jintlagħab matul il-ġimgħa tal-Milied

Aqra wkoll

Il-BOV Tennis Masters Top 8 se jagħmel ir-ritorn tiegħu fil-Marsa Sports Club bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru 2022.

L-aqwa 8 plejers f’Malta se jikkompetu għat-titlu tas-singles tal-BOV Malta Masters, it-tieni l-aktar tornew prestiġjuż fil-kalendarju Malti tat-Tennis, wara l-Malta Open, u tradizzjonalment l-aħħar tornew tas-sena kalendarja.

Wara t-tlugħ tal-poloz, il-plejers tqassmu f’2 gruppi ta’ 4 plejers, fejn l-aqwa żewġ plejers minn kull grupp jipproċedu għas-semifinali, bil-Finali tintlagħab fuq Court 1 fil-Marsa Sports Club nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru fis-2.30pm.

Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Alex Degabriele u l-finalista Liam Delicata se jkunu qed jikkompetu wara impenji internazzjonali b’Degabriele jiffaċċja lill-plejer Numru 3 f’Malta Matthew Debono, Mark Gatt fir-raba’ post u Matthew Griscti fi Grupp B. Delicata fi Grupp A se jiffaċċja Dwayne Pullicino li jinsab fil-5 post fir-rankings lokali, Nicholas Degaetano u Trevor Rutter. Nieqes se jkun hemm il-plejer numru 1 ta’ Malta Matthew Asciak li bħalissa qed jirkupra minn injury.

“Dan it-tournament se jipprovdi lill-Malta Tennis Federation b’għarfien tajjeb għall-għażla tal-plejers tat-Tim Nazzjonali li se jirrappreżentaw lil Malta waqt il-‘Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa’ li se jsiru fil-gżejjer tagħna s-sena d-dieħla u t-tim li se jieħu sehem fil-Grupp Ewropew Nru 3 tad-Davis Cup, li għad ma ntgħażilx il-pajjiż li fih se jintlagħab,” qal il-President tal-MTF David Farrugia Sacco. “Qed nistennew bil-ħerqa li naraw l-aqwa talent Malti jikkompeti u jagħti spettaklu ta’ Tennis għal dawk kollha preżenti matul il-ġimgħa tal-Milied.”

Il-BOV Tennis Masters Top 8 jifforma parti mill-impenn tal-Bank of Valletta lejn is-Saħħa Tajba u l-Benesseri tal-Komunità Maltija waqt li jappoġġja l-eċċellenza fl-isport u jippromwovi l-benefiċċji tal-isport għas-saħħa.

Sport