Il-Bank of Valletta u l-kuratriċi Elyse Tonna qed jistiednu lill-artisti kontemporanji biex jipparteċipaw f’sejħa miftuħa għal “Moving with the Wind, Like Waves,” proġett tal-arti kontemporanja li jilħaq il-qofol tiegħu f’wirja kollettiva li se tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu f’Novembru 2025.
Is-sejħa hija miftuħa għal artisti emerġenti u dawk diġà b’ċertu esperjenza, però li għadhom qed jesploraw il-ħiliet tagħhom, bejn is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2025 u t-Tlieta l-1 ta’ Lulju 2025, f’nofsinhar. L-artisti huma mħeġġa jissottomettu l-kunċett tagħhom għal xogħlijiet ġodda ta’ skala kbira li se jiġu żviluppati fi djalogu mal-kuratriċi. Aktar milli jipproponu xogħlijiet li huma diġà lesti, l-artisti huma mħeġġa li jirrispondu għan-narrattivi differenti tas-sit, speċjalment dawk il-kwalitajiet li spiss ma jidhrux.
“Moving with the Wind, Like Waves” huwa qafas kuratorjali kif ukoll metodoloġija – li jistieden lill-artisti biex jinvolvu ruħhom f’proċess li jqarribna għal aspetti ta’ siti li ħafna drabi ma jiġux innutati jew li mhumiex ddokumentati,” tgħdilna Elyse Tonna. “Dan il-proċess jagħti valur lill-adattabbiltà, l-attenzjoni u l-profondità kunċettwali, filwaqt li jħeġġeġ lill-artisti jżommu f’moħħhom is-sit u jipproponu xogħol li jesplora is-saffi inqas viżibbli tiegħu. Xogħlijiet ta’ arti kontemporanja f’siti storiċi jixħtu dawl ġdid fuq il-mod kif nirrelataw magħhom – mhux permezz ta’ rappreżentazzjoni diretta, imma permezz ta’ ġesti li jagħtu tifsiriet u konnessjonijiet aktar sottili.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-programm ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Bank of Valletta, li jibqa’ jkun ta’ spalla għall-komunità tal-arti kontemporanja bil-għan li tikber u jkollha aktar viżibilità. Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-BOV, qal, “Dan il-proġett ta’ arti kontemporanja jisħaq l-impenn fit-tul tal-Bank li jappoġġja l-arti u jrawwem id-djalogu kulturali f’Malta. Bħala sostenitur ewlieni tal-kultura lokali u l-arti, il-BOV huwa kburi li jniedi din il-wirja, li għandha tkun pjattaforma unika fejn l-artisti jkunu jistgħu jesprimu ruħhom u jqarrbu l-arti kontemporanja lejn il-pubbliku.”
Il-qafas kuratorjali, il-linji gwida u l-formola ta’ sottomissjoni huma disponibbli fuq www.bov.com/moving-with-the-wind-like-waves. L-artisti magħżula se jirċievu gwida kuratorjali, appoġġ kontinwu tul il-proġett u baġit għall-produzzjoni. Il-wirja kollettiva se tkun akkumpanjata minn pubblikazzjoni u programm pubbliku. Għall-mistoqsijiet, l-applikanti jistgħu jikkuntattjaw lit-tim fuq [email protected] sat-23 ta’ Ġunju 2025.
Dan il-proġett ta’ arti kontemporanja huwa kkummissjonat u qed isir bl-appoġġ tal-BOV. Qed jiġi żviluppat u kkurat minn Elyse Tonna, kuratriċi u perit li l-prattika interdixxiplinari tagħha tiffoka fuq approċċi speċifi għas-siti u bbażati fuq riċerka dwar l-arti kontemporanja.