Tuesday, March 3, 2026

IL-BOV U L-MALTA FA JIFFIRMAW FTEHIM FIL-PRINĊIPJU 

Insaħħu l-għarfien dwar ir-reati finanzjarji, l-immaniġġjar tar-riskju u l-governanza

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta u l-Malta Football Association iffirmaw Ftehim fil-Prinċipju bil-għan li jtejbu r-reżiljenza kontra r-riskju ta’ reati finanzjarji permezz ta’ sforzi kollaborattivi fil-qsim tal-informazzjoni, l-edukazzjoni, u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju fid-dixxiplina sportiva tal-futbol. 

Il-Ftehim fil-Prinċipju kien iffirmat uffiċjalment minn Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta; Bjorn Vassallo, President tal-Malta FA; u Dr Maria Azzopardi, Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, fil-preżenza ta’ Ryan Caruana, Group Chief Anti-Financial Crime Officer u MLRO tal-BOV; kif ukoll Dr Herman Mula, Legal, Integrity & Prosecutor fi ħdan il-Malta FA. 

Dan il-ftehim, mifrux fuq perjodu ta’ tliet snin, huwa mfassal biex isaħħaħ ir-reżiljenza kontra l-kriminalità finanzjarja permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi konġunti ffukati fuq l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni pubblika, bil-għan li  jittaffew ir-riskji tal-kriminalità finanzjarja fl-isport. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, kampanji li jenfasizzaw diversi forom ta’ scams u jippromwovu governanza tajba fl-isport. B’dan il-ftehim fil-prinċipju, il-Bank of Valletta u l-Malta Football Association  għandhom ukoll l-għan li jiffaċilitaw skambju regolari u sigur ta’ informazzjoni u tipoloġiji relatati mar-riskji tal-kriminalità finanzjarja, isaħħu l-kapaċitajiet investigattivi permezz ta’ għarfien espert u taħriġ, kif ukoll li jtejbu l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-klijenti permezz ta’ innovazzjoni kollaborattiva. 

Waqt l-iffirmar tal-ftehim fil-bini tal-Malta Football Association, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, saħaq dwar l-importanza li ftehim bħal dan jista’ jkollu fuq il-komunità. “Il-ftehim tal-lum jisħaq l-impenn tagħna li nrawmu kultura ta’ governanza li tqiegħed il-prinċipji tal-AML u tal-KYC fil-qalba tagħha. Il-klabbs tal-futbol, bħall-organizzazzjonijiet kollha li joperaw fis-sistema finanzjarja, iridu jżommu standards robusti ta’ trasparenza, integrità u responsabbiltà. It-tisħiħ ta’ dawn il-pedamenti huwa essenzjali mhux biss biex l-isport jiġi protett mir-riskji tal-kriminalità finanzjarja, iżda wkoll biex jiġu ssalvagwardjati r-reputazzjoni u s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu.

Permezz ta’ din is-sħubija mal-Malta FA, qed nassumu rwol proattiv biex inkunu ta’ spalla għall-klabbs u stakeholders oħra biex nifhmu u nimmaniġġjaw aħjar ir-riskji tal-kriminalità finanzjarja. Permezz ta’ prattiċi ta’ due diligence aktar b’saħħithom, titjieb tas-sensibilizzazzjoni, u promozzjoni ta’ mġiba ta’ governanza responsabbli, għandna l-għan li nibnu ambjent reżiljenti fejn il-futbol jista’ jirnexxi mingħajr l-influwenza ta’ attività illeċita,” qal is-Sur Farrugia.

Bjorn Vassallo, President tal-Malta FA, innota li  l-kontribut ta’ sħubija bħal din illum huwa wieħed strateġiku ħafna u għandu skop importanti li naqsmu l-għarfien bejn iż-żewġ entitajiet. “Permezz tar-riżultati mixtieqa f’governanza aħjar, b’mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja u l-għarfien tar-riskju, iż-żewġ organizzazzjonijiet se jkunu f’pożizzjoni tajba li jaħdmu biex jiżguraw li l-monitoraġġ, l-analiżi u l-proċessi jkunu fis-seħħ, u b’hekk tinħoloq konformità b’saħħitha permezz ta’ inizjattivi edukattivi, innovattivi u konġunti.

Aħna ħerqana li naħdmu mill-qrib mal-Bank of Valletta bil-għan li nkunu nistgħu nippromwovu aspetti li jnaqqsu l-abbuż. Is-salvagwardja finanzjarja hija l-għan ewlieni tagħna, u l-Malta FA se tkompli tagħmel l-almu kollu tagħha fil-qasam tal-futbol sabiex l-istandards regolatorji jintlaħq b’mod effettiv,” żied jgħid.

Il-ftehim fil-prinċipju jistabilixxi sħubija strateġika mibnija fuq fiduċja reċiproka u responsabbiltà kondiviża. Dan huwa t-tieni ftehim ta’ dan it-tip iffirmat mill-Bank of Valletta fl-2026, bħala parti mill-isforzi kontinwi tiegħu biex jiġġieled il-kriminalità finanzjarja. F’Jannar, il-Bank daħal fi ftehim simili mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-kriminalità finanzjarja u tissaħħaħ il-protezzjoni kemm għall-klijenti kif ukoll għas-soċjetà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport