Nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 2025, il-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment u l-Kontabilità (FEMA) u l-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Università ta’ Malta ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim mal-Bank of Valletta. Din is-sħubija strateġika għandha l-għan li testendi l-opportunitajiet ta’ tagħlim globali u ttejjeb il-prospetti tal-karriera għall-istudenti tal-Università filwaqt li twessa’ l-pipeline ta’ reklutaġġ ta’ talent tal-BOV.
Il-Memorandum ta’ Ftehim ġie ffirmat fis-Sala tal-Kunsill tal-Università mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, id-Dekan tal-FEMA, il-Prof. Emanuel Said, id-Dekan tal-Fakultà tal-ICT, il-Prof. Ing. Carl James Debono, f’isem l-UM, kif ukoll l-Uffiċjal Kap tan-Nies u l-Kultura, is-Sur Ray Debattista u l-Uffiċjal Kap tas-Sigurtà tal-Informazzjoni s-Sur Antoine Aquilina, f’isem il-BOV.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-BOV se jkun qed jisponsorja proġetti u inizjattivi fiż-żewġ Fakultajiet, filwaqt li min-naħa tiegħu jkun jista’ jinvolvi ruħu direttament mal-istudenti permezz ta’ avvenimenti li jorganizza fl-Università mfassla biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ reklutaġġ tagħhom.
“Flimkien mal-Università ta’ Malta, qed nibdlu l-ideat f’azzjoni permezz ta’ riċerka ffukata fuq it-teknoloġija,” qal l-Uffiċjal Kap tan-Nies u l-Kultura tal-Bank. “Din is-sħubija tgħin biex tipprepara lill-istudenti tagħna għas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni, billi toffrilhom opportunitajiet prattiċi biex jikkontribwixxu għal proġetti li jsawru l-ġejjieni tal-banek u l-finanzi.”
Kollaborazzjonijiet ta’ riċerka li jindirizzaw oqsma jew kwistjonijiet li huma komuni għaż-żewġ entitajiet se jimmaterjalizzaw ukoll bħala riżultat ta’ din is-sħubija l-ġdida.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta stqarr “It-teknoloġija tinsab kullimkien f’ħajjitna, xi kultant b’mod kbir, iżda l-valur veru tagħha jinsab fil-konvenjenza li toffri. Kompiti bħall-bankar, li darba kienu jfissru kjuwijiet twal, issa jistgħu jsiru malajr fl-ATMs eżatt ħdejn il-bank. Din l-integrazzjoni intelliġenti turi kif it-teknoloġija tissimplifika l-ħajja ta’ kuljum.”
“Dan il-Memorandum ta’ Ftehim isaħħaħ is-sħubija b’saħħitha bejn il-Bank of Valletta u l-Università ta’ Malta, billi jappoġġja l-edukazzjoni, iċ-ċibersigurtà, u t-titjib tal-ħiliet kemm għall-impjegati kif ukoll għall-komunità. Nistennew bil-ħerqa li nkabbru din il-kollaborazzjoni u ninvestu fil-futur finanzjarju ta’ Malta.” Qal l-Uffiċjal Kap tas-Sigurtà tal-Informazzjoni s-Sur Antoine Aquilina.
Eżatt qabel l-iffirmar, il-Prof. Debono tkellem dwar kif is-settur bankarju jiddependi ħafna fuq teknoloġiji avvanzati, xi ħaġa li l-istudenti tal-ICT fl-UM qed jiġu mħarrġa biex jagħmlu. “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-istudenti tagħna se jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji futuri flimkien mal-bank. Nittama sinċerament li l-istudenti tagħna jħaddnu din l-inizjattiva b’mod sinifikanti, sabiex flimkien nistgħu nimxu ‘l quddiem u nappoġġjaw il-bank nazzjonali ta’ Malta stess.”
Il-Prof. Emanuel Said, min-naħa l-oħra, semma l-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-settur finanzjarju, u qal li “Illum ġeddidna l-kollaborazzjoni tagħna mal-Bank of Valletta, sieħeb ewlieni li jinvesti fin-nies u r-riċerka. Din is-sħubija tgħin biex tipprepara lill-istudenti tagħna għas-suq tax-xogħol futur, billi toffrilhom opportunitajiet prattiċi biex jikkontribwixxu għal proġetti li jsawru l-futur tal-banek u l-finanzi.”