Ftit ġimgħat biss wara l-introduzzjoni ta’ Google Wallet f’Malta, il-Bank of Valletta bi pjaċir qed iħabbar li l-BOV Visa Cards issa huma aċċettati u jistgħu jintużaw fuq din l-app.
Dan ifisser li l-klijenti tal-Bank li għandhom Visa Debit jew Credit Card, jistgħu itellgħu id-dettalji tal-kards tagħhom fuq il-Google Wallet app li hija disponibbli fuq il-Google Play Store minn kwalunkwe apparat Android.
Klijenti li għandhom apparat Android u li għandu l-faċilità li jħaddem it-teknoloġija tal-NFC (Near Field Communication), jistgħu jibdew iħallsu x-xirjiet tagħhom, sew fil-ħwienet, kif ukoll onlajn permezz ta’ din il-kartiera diġitali offruta minn Google.
Ladarba l-klijent itella’ d-dettalji tal-BOV Visa Card fuq din l-app, in-numru tal-kard jiġi mibdul ma’ numru virtwali sabiex b’hekk id-dettalji tal-kard jibqgħu protetti tul il-proċess kollu tal-pagament.
Pagamenti permezz ta’ kartiera diġitali ta’ din ix-xorta qegħdin isiru dejjem iżjed popolari madwar id-dinja, minħabba li s-servizz huwa wieħed immedjat, sigur u sempliċi. Barra minn hekk, il-klijenti m’għandhomx bżonn iġorru l-kartiera u l-kards tal-Bank fuqhom u xorta waħda jkollhom aċċess għall-flushom il-ħin kollu.
Meta wieħed jagħżel li jħallas permezz ta’ kartiera diġitali, lanqas m’għandu bżonn li jiftakar in-numri differenti tal-PIN abbinati ma’ kards differenti. Dan għaliex it-tranżazzjonijiet jiġu awtentikati permezz tal-marki tas-swaba jew l-għajnejn (finger print u face recognition) abbinati mal-apparat tal-klijent meta l-mobile jew tablet jitpoġġew qrib il-magna tal-EPOS.