Saturday, December 14, 2024

Il-BOV Volleyball Marathon 2023 tibda fit-30 ta’ Ġunju

53 siegħa logħob bla waqfien b’risq id-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza reġgħet magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil-car park tad-Dar fis-Siġġiewi. It-13-il edizzjoni tal-Maratona tibda l-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju fis-6.00 p.m. u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-Ħadd 2 ta’ Lulju. Il-ftuħ uffiċjali se jsir mid-Deputat Prim Ministru Dott. Chris Fearne bissehem tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM).

Il-Maratona ġiet imnedija minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Charles Azzopardi, Head tal-funzjoni tar-RSK fi ħdan il-Bank of Valletta, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara fejn qed isir it-taħriġ u l-preparamenti tal-plejers li se jieħdu sehem fil-maratona.

“Il-BOV Volleyball Marathon hi waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ ġbir ta’ fondi li tgħinna fil-ħidma tagħna li nipprovdu u dejjem intejbu sservizzi siewja li noffru,” qal Fr Martin. Huwa żied jgħid: “Ninkoraġġixxu wkoll il-volontarjat u nkunu qed nibagħtu messaġġ li s-soċjetà Maltija teħtieġ tinvesti fih. Bis-saħħa ta’ din il-maratona, id-Dar trid ukoll tinkoraġġixxi lisport bħala investiment fi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, id-Dar tal-Providenza tapella lis-soċjetà tagħna biex tirrispetta dejjem lill-persuni b’diżabilità, tittrattahom bid-dinjità li tixirqilhom waqt li toffrilhom għażliet u opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.”

“Il-BOV Volleyball Marathon jgħaqqad flimkien iż-żewġ pilastri ewlenin tal-programm tagħna tar-RSK, il-Filantropija u l-iSport,” qal is-Sur Azzopardi, li kompla jgħid: “Aħna fil-Bank of Valletta kburin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hija strumentali fl-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta. Nuru apprezzament kbir għas-servizzi li tipprovdi d-Dar tal-Providenza fil-komunità Maltija u huwa ta’ pjaċir li ngħinuha tkompli toffri servizzi essenzjali fid-dawl tal-impenn tagħna lejn il-komunità li noperaw fiha.”

Sal-Ħadd 2 ta’ Lulju, kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il-palk prinċipali, ikel u logħob għat-tfal.  Il-Maratona se tixxandar ukoll b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin. Minbarra l-40 plejer protagonisti tal-Maratona se jagħtu sehemhom ukoll madwar 200 voluntier.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar ’l isfel, juża l-BOV Mobile Banking, PayPal jew Revolut jew jagħmel donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur issit: www.sabihlitaghti.org

  • €10         5160 2011
  • €15         5170 2012
  • €25         5180 2013
  • €50         5190 2070
  • €100   5130 2044
  • Pledge Line: 2146 3686
  • BOV Mobile  7932 4834
Ekonomija

Sport