Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-bowling?
L-imħabba tiegħi lejn il-bowling bdiet meta kien għad kelli disa’ snin u kont ninżel nilgħab fis-sajf għall-gost. Minn hemm, bdejt nieħu l-bowling aktar bis-serjetá u bdejt nitħarreġ ma’ Skola Sajf. Meta kelli 13-il sena, ġejt magħżul mill-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS) u minn hemm komplejt nitħarreġ u nitjieb sakemm kowċ Amerikan wera l-interess fija u offrieli l-opportunitá li ninqgħaqad mat-tim tal-Unviersitá mas-Savannah College of Art and Design fl-Amerika.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek mimlija suċċessi fl-Amerika, u kemm tgħallimt
minnha.
L-esperjenza tiegħi fl-Amerka kienet waħda pożittiva ħafna. Ksibt ħafna successi kemm fit-tim, kif ukoll individwalment fejn għamilt l-all tournament team darbtejn, u rnexxieli anke nirbaħ waħda minnhom. Bħala tim irnexxielna niksbu post fuq il-podju diversi drabi fl-erba’ snin li għamilt hemm. Minn dil-esperjenza tgħallimt ħafna speċjalment fit-teknika u kif tirnexxi ġo tim, u l-kompetizzjonijiet li lgħabt servew ta’ esperjenza kbira fuq kundizzjonijiet differenti u ħafna iktar difficli milli naraw Malta.
Kif iddeċidejt li tiġi lura Malta? Teskludi li tirritorna l-Amerika fil-futur?
Il-massimu ta’ snin li jista’ jagħmel plejer ma’ tim ta’ kulleġġ huwa erba’ snin, allura ma kontx iktar eliġibbli li nilgħab għat-tim tiegħi. Ma neskludix li nirritorna l-Amerika fil-futur … fil-fatt kelli anke offerta li nkun assistant coach ma’ skola oħra waqt li nagħmel il-Masters.
Nixtieq li fil-futur ikolli l-opportunitá li nilgħab anke fil-Professional Bowlers Association tour.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Fuq livell personali, irnexxieli nirbaħ kemm il-Kampjonati tal-Under 16 u l-Under 23, kif ukoll il-Masters Championships f’Malta, fost titli oħrajn. Irbaħt ukoll diversi midalji f’tournaments barra minn Malta fosthom fl-Ingilterra, l-iŻvizzera, u Franza. Minbarra hekk, irnexxieli nirbaħ il-Kampjonat Premier għal diversi drabi mat-tim tiegħi, kif ukoll il- kampjonat tad-doubles ma’ Sue Abela, fost ħafna oħrajn. Irnexxieli wkoll nikseb diversi unuri personali fis-Southern States Athletic Conference fosthom second team all-conference, champion of character award u all-academic, kif ukoll ġejt mogħti l-‘Commitment Award’ mill-iSCAD. Irraprezentajt lil-Malta diversi drabi ukoll fuq livell Mediterran, Ewropej, u anki Dinji.
Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?
Bħalissa inħoss li hemm livell għoli ħafna f’Malta speċjalment fiż-żgħażagħ li telgħin u plejers oħra ta’ esperjenza.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Sfortunatament, ġewwa Malta post fejn nitħarrgu wieħed biss għandna li huwa ‘The Eden’. Dan il-post riċentement ġie mmodernizzat u huwa ta’ livell għoli fejn nitħarrġu u nikkompetu. Peressli huwa tas-settur privat, il-ħinijiet huma limitati, għalkemm dejjem intlaħaq kompromess.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Il-bowling huwa ħajti u nixtieq li jkolli diversi opportunitajiet biex nikkompeti u nirrapreżenta lil pajjiżi f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Rigward il-kowċing, hija xewqa tiegħi li maż-żmien ngħaddi l-esperjenza tiegħi liż-żgħażagħ tal-futur, peró, għalissa qed nipprijoritizza l-logħba u l-karriera tiegħi bħala plejer.
Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjament partikolari wara dan is-suċċess kollu li rnexxielek tikseb matul il-karriera tiegħek s’issa?
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-ġenituri u l-familja tiegħi, talli dejjem juruni sapport kbir u jħeġġuni biex niġri wara l-ħolm tiegħi. Nixtieq nirringrazzja lill-kowċis tiegħi, kemm ta’ Malta, kif ukoll dawk li kelli l-Amerika. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Malta Bowling Association u lill-kumitat, kif ukoll lil ‘The Eden’. Minbarra hekk, nixtieq nuri apprezzament lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), SportMalta, u Malta Sports Scholarships Scheme ffinanzjata mill-Gvern Malti talli dejjem kienu ta’ għajnuna kbira biex il-karriera tiegħi tkompli tevolvi. U nixtieq nirringrazzja lilek ukoll ta’ din l-intervista li għoġbok tagħmilli u l- interess li dejjem turi fl-isport tagħna!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.
Nixtieq ngħaddilhom messaġġ biex ma jaqtgħu qalbhom qatt … is-suċċess trid taħdem għalih! Ġieli tirbaħ u ġieli titlef, u kull telfa trid titgħallem minnha, u ma tħallihiex taqtagħlek qalbek!