Friday, March 28, 2025

Il-boxing huwa sport sabiħ ħafna, ta’ dixxiplina u jgħallmek tkun bniedem ta’ prinċipju’- Brandon ‘Bogon’ Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-boxing?

L-imħabba tiegħi għal dan l-isport tista’ tgħid li naħseb twelidt biha. Ilni minn ċkuniti nħobb l-arti marzjali … ommi tgħidli li minn meta kont żgħir kont nara l- films u nipprova nagħmel bħalhom!

X’unuri prinċipali ksibt matul il-karriera tiegħek sa issa?

Bħala unuri rbaħt diversi drabi RBO Intercontinental Champion, 

Champion Nazzjonali, K1 WKN European champipn, K1 WKN World Champion u 

British Champion (li jagħmilni l-uniku Malti li rbaħt titlu bħala champion fl-Ingilterra).

Kif tqis il-livell tal-boxing f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-boxing f’pajjiżna hu għoli ħafna. Għadna atleti tajbin immens b’ dedikazzjoni kbira fejn morna dejjem tajjeb ma’ ħafna pajjiżi fejn ħdejna bħala opportunitajiet qegħdin avvanzati ħafna. Għalkemm Malta f’dan l-isport ma nsibux l-għajnuna neċessarja, xorta mmorru tajjeb ħafna meta niġu biex nikkompetu ma’ pajjiżi barranin.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn titħarrġu u tipprattikaw l-boxing f’Malta?

Bħala riżorsi u fejn nitħarreġ, nista’ ngħid li nħossni fortunat ħafna li ġejt milqugħ f’wieħed mill-aqwa gyms li hawn Malta li qiegħed armat bl-aħħar u l-aħjar apparat bl-aqwa kowċis u tim fenomenali li tista’ tgħid insib kollox taħt saqaf wieħed u ta’ dan nirringrazzjahom minn qalbi li fetħuli l-bibien biex nibda nitħarreġ hemm ġewwa l-Fort Fitness tas-Sliema, għax mingħajr dawn in-nies, il-karriera ta’ kull atleta ma tistax timxi ‘l quddiem.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Rigward il-futur tiegħi qed naħseb li nagħmel ħilti kemm niflaħ nikkompeti kemm niflaħ, intella’ rekord kemm niflaħ sakem jiġini ċans tajjeb għal opportunitá barra minn Malta.

Għaddi messagg finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-boxing.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed u ċar … jekk tixtieq tibda l-isport mur għalih! Il-boxing huwa sport sabiħ ħafna, ta’ dixxiplina u jgħallmek tkun bniedem ta’ prinċipju. Agħżel it-triq it-tajba u għaraf nies ta’ madwarek bħala tim!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport