Delegazzjoni tal-Partit Laburista, immexxija mid-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Ian Borg, żaret il-Kumpless ECOHIVE, fejn qiegħed isir l-ikbar investiment li qatt sar fis-settur tat-trattament tal-iskart f’pajjiżna, li jifforma parti mir-responsabilità ta’ WasteServ. Dan l-investiment se jkompli jsir wara li l-Budget 2026 ħaseb ukoll għall-proġetti biex ikomplu jintlaħqu l-miri f’dan is-settur, fl-istess waqt li jiżdiedu l-ispazji ħodor għall-familji.
Mifruxa fuq 700,000 metru kwardu, l-Ecohive tikkonsisti fi żewġ impjanti, wieħed minnhom għall-ipproċessar tal-iskart organiku li qed jiddawwar f’enerġija. Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega li kull sena qed jinkiser ir-rekord ta’ kemm qed tiġi ġġenerata enerġija mill-iskart organiku, u jistma li s’issa bl-ammont li qed jintbagħat fil-grid nazzjonali jistgħu jibbenefikaw mill-enerġija mal-1,200 dar. Tkellem ukoll dwar kif fil-passat, flok dawn il-faċilitajiet, kien hemm biss miżbliet, li fihom qabel l-2013 kien jintrama’ 95% tal-iskart, u sal-2035 il-mira hija li l-ammont jonqos għal 10%.
Bilocca tkellem ukoll fuq il-proġetti ġodda li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ WasteServ, li ssemmew ukoll fil-Budget 2026, fosthom l-impjant ġdid għall-ipproċessar tal-iskart organiku b’investiment ta’ €85 miljun li mistenni jipproduċi bijogass għall-elettriku u kompost għall-agrikoltura. Tlestew ukoll it-tħejjijiet għall-art li fuqha se jinbena l-impjant għall-immaniġġjar tal-iskips, b’investiment ta’ €17-il miljun, biex b’hekk jiġi rkuprat iktar il-materjal riċiklabbli mill-iskips.
Fi preżentazzjoni, ġie spjegat kif WasteServ waqqfet il-maġġoranza tal-operat tagħha f’Sant’Antnin biex isir park għall-familja fuq medda ta’ 24,000 metru kwardru li se jieħu post l-impjant tal-iskart ladarba jitlesta, u se jkun wieħed mill-isbaħ spazji miftuħa fin-Nofsinhar ta’ Malta. F’Marsaskala, WasteServ investit ukoll f’ impjant awtomatizzat tal-ħġieġ li kapaċi jipproċessa 52,000 flixkun fis-siegħa biex jiġi esportat.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li ż-żjara serviet biex napprezzaw iktar il-ħidma li qed issir f’dan is-settur u l-miri li għandu pajjiżna fis-settur tal-iskart. “Stajna naraw kif l-isfidi tal-iskart qed jinbidlu f’opportunitajiet billi rajna kif l-iskart qed jiġi separat, skart li jinbiegħ meta jiġi esportat, u skart ieħor qed jintuża bħala riżorsa b’enerġija fil-grid nazzjonali. Rajna kif b’mod innovattiv spazji bħal ta’ Marsaskala qed jinbidlu f’park u spazju miftuħ għall-familji. Dan l-impenn żgur li qed japprezzawh ukoll il-Maltin u l-Għawdxin.”
Huwa rringrazzja lit-tmexxija u l-ħaddiema ta’ WasteServ tax-xogħol kbir li qed iwettqu f’dan is-settur. Faħħar ukoll l-impenn tal-poplu Malti u Għawdxi li qed isegwi l-kampanji billi qed jisseparaw iktar l-iskart, fl-istess waqt li qed jintlaħqu l-miri ta’ pajjiżna li tant huma meħtieġa għal ekonomija ċirkolari.

