Monday, December 9, 2024

Il-Budget jinċentiva lin-nies, jippremja l-bżulija u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies

– il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Budget jwieżen u jinċentiva lin-nies u ma jieħu xejn mingħand in-nies, ħlief itaffi l-piż tat-taxxi.  Fisser il-Budget bħala soċjali għax huwa spalla għall-anzjani, il-familji u n-negozji, biex jieħu lil Malta fil-livell li jmiss. 

Meta kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru qal li t-twessigħ storiku tat-tax bands jippremja l-bżulija, u fisser li qed tingħata iktar saħħa lill-pagi tal-ħaddiema, kif ukoll qed tissaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-familji. 

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-Gvern Laburista qed inaqqas it-taxxi u jqassam iktar flus lill-poplu Malti u Għawdxi, pajjiżi Ewropej, bħall-Ingilterra, qed iżidu l-piż tat-taxxi fuq in-nies.  Spjega li f’Malta, il-Gvern jista’ jnaqqas it-taxxi għax għax ir-ritmu ekonomiku llum huwa d-doppju ta’ dak li kien jiġi ġġenerat fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2012.

Qal li s-suċċess ekonomiku bħalissa qed isir għax il-Partit Laburista jemmen fi tkabbir ekonomiku bl-inċentiv, bl-investiment u b’inqas piżijiet tat-taxxi, filwaqt li d-dħul tat-taxxi huwa b’saħħtu għax l-attività ekonomika tkun kibret u żdiedet l-effiċjenza fil-ġbir ġust tat-taxxi.

Spjega kif id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hi li l-PN iwiegħed kollox u ma jwettaq xejn, filwaqt li l-PL iwiegħed tant u jagħti iktar.  Il-Prim Ministru qal li l-PN iwiegħed li jnaqqas l-income tax, u minflok jgħolli l-kontijiet tad-dawl, mentri l-PL wiegħed li se jnaqqas iktar l-income tax u se jħalli €140 miljun aktar fil-bwiet tan-nies. 

Dwar il-prezzijiet tal-enerġija, il-Prim Ministru qal li filwaqt li għall-Kap tal-Oppożizzjoni s-soluzzjoni hija li jilliberalizza s-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl u jgħolli l-kontijiet, Gvern Laburista qed iwettaq l-akbar investiment li qatt sar fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl. 

Il-Prim Ministru qal li b’hekk il-Gvern qed iserraħ moħħ il-familji u jiggarantixxi stabbilità għan-negozji dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ukoll il-fjuwils, u sostna li Malta hija l-uniku pajjiż li qed jagħti dan is-sostenn għax il-Gvern qed imexxi bil-għaqal u bi prijoritajiet korretti.

Il-Prim Minsitru qal li l-ekonomija ta’ pajjiżna trid tibqa’ tikber, u d-direzzjoni li trid tieħu għandha tiffoka aktar fuq il-kwalità fl-ambjent, it-turiżmu, l-infrastruttura u s-suq tax-xogħol.   Dan kollu sostna li jinkwadra fil-Viżjoni Malta 2050, dokument li għall-ewwel darba se jkun fi stadju avvanzat sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla biex il-pajjiż ikollu viżjoni ċara għall-futur. 

Il-Prim Minsitru qal li r-reazzjoni tal-PN għall-Budget kienet li jagħmel sarima ma’ ħalq il-Gvern biex ma jkunx jista’ jinforma lill-poplu x’fih il-Budget minn fuq it-television.  Qal li l-Gvern iżda se jkompli bil-ħidma tiegħu, biex jimplimenta l-miżuri, għax sostna li l-poplu silef il-fiduċja lill-PL, li b’viżjoni ambizzjuża se jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar u jaħdem fuq it-titjib meħtieġ għal pajjiż ta’ kwalità u t-tiġdid ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport