Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-Gvern għaddej b’ħidma biex iressaq l-aqwa Budget għal dan il-pajjiż, bla taxxi, b’kontijiet tal-enerġija stabbli, b’iktar investiment soċjali u b’tisħiħ fl-inċentivi għall-middle-class u n-negozji. Meta kien qed jiġi intervistat mill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE Josef Caruana, Dr Abela spjega li bħalissa għaddejjin taħditiet settur, settur, biex jiġu allokati l-fondi għall-proġetti u l-inizjattivi meħtieġa biex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li ħaddieħor mehdi jfittex Kap, il-5 wieħed fuq medda ta’ 12-il sena, Gvern Laburista qed jiffoka fuq it-tisħiħ ta’ servizzi u l-ħolqien ta’ inizjattivi biex jindirizza r-realtajiet tan-nies. Ħabbar li l-Paola Hub se jopera fil-massimu tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin u se jkun qed inaqqas mill-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa. Tkellem ukoll dwar id-differenza li qed jagħmlu f’ħajjet in-nies servizzi bħal dak tal-IVF għall-koppji li jridu jsiru ġenituri, żieda fil-kura paljattiva b’sala ġdida issa wkoll f’San Vinċenz de Paul, kif ukoll trattament ġdid għall-pazjenti tal-kanċer fil-prostata.
Dwar is-sewqan, Dr Abela qal li s-sewwieqa għandhom responsabilità kbira u mhux aċċettabbli li tixrob u ssuq jew li tkun taħt l-influwenza tad-droga u ssuq. Ħabbar li se tiżdied il-preżenza tal-uffiċjali ta’ Transport Malta, il-LESA u l-Pulizija fit-toroq, qed tiġi studjata reviżjoni fil-pieni b’mod ħolistiku, fosthom fl-element ta’ deterrent, kif ukoll se jsiru kampanji edukattivi f’dan ir-rigward.
Mistoqsi dwar l-indafa pubblika, il-Prim Ministru wieġeb li l-Gvern qed jinvesti f’miljuni ta’ ewro għal inġenji bl-aqwa teknoloġija biex ikun hawn iktar indafa fil-pajjiż. Dwar il-magni tal-BCRS, Dr Abela qal li d-disponibilità tagħhom tjiebet b’4,800 siegħa fix-xahar, filwaqt li l-proġett pilota qed jibbenefikaw minnu mal-250 anzjan fil-ġimgħa f’20 lokalità. Ħabbar li l-proġett se jiġi estiż dalwaqt għal 30 lokalità, filwaqt li mill-bidu tas-sena d-dieħla se jkun qed jinfirex f’Malta u Għawdex kollha.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-aħħar żviluppi fil-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja li qal għaddejjin taħditiet importanti u saħaq li bid-diplomazija naslu għal soluzzjonijiet, filwaqt li dwar il-Lvant Nofsani qal li wara 40 sena Malta se tirrikonoxxi formalment lill-istat Palestinjan fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.