Caritas Malta laqgħet l-abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol u appellat biex il-policy tiġi implimentata fl-intier tagħha biex iżżomm il-miri kif elenkati f’dan id-dokument.
Fi stqarrija, Caritas Malta enfasizzat ir-riskji serji li jġib miegħu l-alkoħol għas-saħħa, u saħqet fuq il-ħtieġa ta’ edukazzjoni pubblika ċara dwar ix-xorb żejjed inkluż binge drinking u l-effetti fit-tul tiegħu.
L-organizzazzjoni appellat biex dejjem tingħata prijorità lill-benesseri u r-reżiljenza billi tinkoraġġixxi stil ta’ ħajja b’saħħitha u b’kuntatt mal-komunità. Dan iwassal biex jingħelbu ‘coping mechanisms’ negattivi. Caritas Malta ressqet diversi u enfasizzat fatturi importanti biex tissaħħaħ il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol:
1. Twissijiet dwar is-Saħħa
- Il-pubbliku għandu jkun infurmat dwar ir-riskji għas-saħħa u problemi soċjali marbuta mal-alkoħol.
- Twissijiet obbligatorji, viżibbli u aġġornati fuq il-prodotti kollha li fihom l-alkoħol, fil-postijiet tal-bejgħ u fir-reklamar. Għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar servizzi ta’ appoġġ u/jew helplines.
- Informazzjoni dwar l-età legali għax-xorb, ir-riskji fis-sewqan, il-perikli waqt it-tqala u breastfeeding, gwida dwar l-ammonti, il-projbizzjoni tal-bejgħ lill-minorenni u l-effett talalkoħol fuq il-ġisem.
- 2. Reklamar u Marketing
- Projbizzjoni ta’ reklami tal-alkoħol fi spazji pubbliċi (bħal billboards u karozzi tal-linja).
- Jiġi limitat ir-reklamar fuq it-TV u r-radju għal wara l-10:00pm u qabel il-5:00am.
- 3. Regolamenti dwar ix-Xorb u s-Sewqan
- Tolleranza Zero jibqa’ l-ideali u dak li temmen bih Caritas, iżda tal-inqas, il-limitu tal-konċentrazzjoni ta’ alkoħol fid-demm għandu jitnaqqas għal 20mg/100ml biex tiġi protetta aħjar is-sigurtà pubblika.
- Testijiet obbligatorji għall-intossikazzjoni f’kull inċident li jinvolvi ġrieħi fuq il-persuna.
- Testijiet għall-għarrieda tal-breathalyser anke jekk m’hemmx suspetti.
- Kampanji nazzjonali ta’ għarfien dwar il-perikli tax-xorb u s-sewqan.
- 4. Prezz Minimu għal Kull Unit (MUP – minimum unit pricing)
- Jogħla l-prezz minimu tal-alkoħol għal €0.75 kull unit (fuq gwida ta’ dak li sar fl-Iskozja).
- L-għan li jgħola l-prezz hu li jitnaqqas l-afordabbilità ta’ binge drinking.
- Iż-żieda ma tkunx bħala taxxa imma d-dħul jibqa’ għall-industrija.
- 5. Tqala u l-Alkoħol
- Żieda fix-xorb fost in-nisa u din turi l-ħtieġa għal interventi speċifiċi.
- Kampanji pubbliċi għandhom jippromwovu li ma jintużax alkoħol meta persuna qed tipprova jkollha t-tfal, waqt it-tqala u matul iż-żmien ta’ breastfeeding.
- 6. Żgħażagħ u l-Użu tal-Alkoħol
- Togħla l-età legali għax-xorb għal 21 sena.
- Jiżdied l-appoġġ għal edukazzjoni bikrija fl-iskejjel dwar ir-riskji tal-alkoħol. • Offruti alternattivi għaż-żgħażagħ għall-attivitajiet fi tmiem il-ġimgħa.
- 7. Bidla fil-Kultura
- Bidliet fil-mentalità tas-soċjetà lejn konsum ikkontrollat, bħalma sar f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigaretti.
- Appoġġ għall-għażliet u deċiżjonijiet b’saħħithom minn età żgħira.
- 8. Kampanji ta’ Għarfien dwar il-Ħsara tal-Alkoħol
- Investiment f’aktar riżorsi fi programmi edukattivi fl-iskejjel.
- Riżorsi diġitali, materjal u kontenut fuq il-midja soċjali dwar ir-riskji tal-alkoħol.
- 9. Infurzar
- Verifiki b’mod strett tal-ID’s fil-ħwienet, supermarkets u ristoranti.
- Xorb f’supermarkets, grocers u corner shops għandhom ikunu f’sezzjoni għalihom, imsakkra jew aċċessibbli biss mill-adulti ta’ ’l fuq minn 21 sena.
- Infurzar b’saħħtu waqt festi bħal dik ta’ St Patricks u festivals tal-inbid/birra. •
- Restoranti għandu jkollhom limitu ta’ kemm iservu xorb u jirrapportaw lil dawk issewwieqa suspettati li jkunu fis-sakra.
- Għajnuna mandatorja bħal AA (Alcohol Anonymous) jew minn aġenziji bħal Caritas, Sedqa jew Oasi għal dawk misjuba ħatja fil-Qorti f’każijiet relatati mal-alkoħol.
- 10. Familja, Edukazzjoni, Attivitajiet Extrakurrikulari
- Edukazzjoni u informazzjoni lill-familji dwar il-ħsarat tal-alkoħol.
- Reviżjoni tas-sillabu edukattiv biex jinkludi tagħlim kreattiv u komunitarju.
- Espansjoni ta’ inizjattivi bħal memberships ta’ gym u outdoor activities bla ħlas.
- 11. Proposta tal-Proġett PAVE (Protect, Ask, Verify, Educate)
- Proġett kollaborattiv (bejn Caritas, Oasi, Sedqa, Aġenzija Żgħażagħ, u l-Pulizija Komunitarja) biex tinħoloq kuxjenza, jiġi edukat il-pubbliku u l-adolexxenti, jiġi mħeġġeġ irrapportar ta’ illegalitajiet u jsir infurzar.
- Riżultati mistennija: inqas użu ta’ sustanzi fost iż-żgħażagħ, saħħa mentali aħjar u komunitajiet aktar siguri.