Friday, November 15, 2024

Il-CAS ma jilqax l-appelli mressqa mir-Russi kontra l-FIFA u L-UEFA

Aqra wkoll

L-appelli mill-Federazzjoni Russa tal-Football (FUR) u xi clubs tagħha kontra l-proj­bizzjonijiet mill-footballl internazzjonali u Ewropew ġew miċħuda.

Il-clubs u t-team nazzjonali tal-pajjiż ġew sospiżi mill-kompetizzjonijiet kollha mill- FIFA u mill-UEFA fi Frar wara l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Sitt appelli tnedew kontra din id-deċiżjoni iżda ġew miċħuda mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS).

Il-FUR tgħid li issa tista’ tappella lill-Qorti Suprema Federali tal-Isvizzera.

Fil-5 u fil-11 ta’ Lulju, il-CAS kellu seduti fuq filmat mal-partijiet involuti.

“Il-panel iddetermina li l-eskalazzjoni tal- kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u t-tweġibiet tal-pubbliku u tal-gvernijiet madwar id-dinja, ħolqu ċirkostanzi mhux previsti u bla preċedent li għalihom il-FIFA u l-UEFA kellhom jirrispondu,” qalet stqarrija tal-CAS.

“Fid-determinazzjoni li timijiet u clubs Russi m’għandhomx jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet taħt il-patroċinju tagħhom waqt li ċirkustanzi bħal dawn kienu jippersistu, il-panel sostna li ż-żewġ partijiet aġixxew fl-ambitu tad-diskrezzjoni mogħtija lilhom taħt l-istatuti u r-regolamenti rispettivi tagħhom.”

F’April, ir-Russja waqqgħet appell kontra l-pajjiż li kien sospiż mit-Tazza tad-Dinja tal-2022 mill-FIFA.

Madankollu, il-FUR komplew b’appell kontra l-FIFA u l-UEFA, filwaqt li Zenit St Petersburg, Sochi, CSKA Moscow u Dynamo Moscow appellaw kontra l-UEFA.

L-istqarrija tal-CAS żiedet tgħid: “Il-pa­nel sab li ma kienx meħtieġ li jikkaratterizza n-natura tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, iżda li jiffoka biss fuq il-konsegwenzi ta’ tali kunflitt għall-kompetizzjonijiet affettwati.

“Il-bord isibha ħasra li l-operazzjoni­jiet militari attwali fl-Ukrajna, li għalihom it-timijiet, il-clubs u l-players tal-football Russi m’għandhom l-ebda responsabbiltà huma stess, kellhom, minħabba d-deċiżjonijiet tal-FIFA u tal-UEFA, effett ħażin bħal dan fuqhom u fuq il-football Russu b’mod ġenerali, iżda dawk l-effetti kienu, fil-feh­ma tal-panel, ikkumpensati mill-ħtieġa għat- tmexxija sigura u ordnata tal-avvenimenti tal-football għall-bqija tad-dinja.”

Il-FUR qalet li “ma taqbilx bis-sħiħ” mad-deċiżjoni tal-CAS u “deċiżjoni dwar azzjonijiet ulterjuri se ssir wara l-analiżi tar-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tal-panel tal-CAS”.

Żiedet tgħid: “L-għażliet jistgħu jinkludu appell lill-Qorti Suprema Federali tal-Isvizzera u preżentazzjoni ta’ talbiet lil CAS relatati ma’ kumpens għal telf finanzjarju mġarrab mill-FUR bħala riżultat tal-azzjonijiet tal- UEFA u l-FIFA.”

Ekonomija

Sport