Wednesday, October 8, 2025

Il-Climate Action Authority tilqa’ r-rapport tal-NAO li nnota “progress b’saħħtu” fl-azzjoni dwar il-klima

Aqra wkoll

Il-Climate Action Authority (CAA) għamlet referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) “A Review Of Malta’s Climate Action Using The Climate Scanner Framework” u nnotat b’sodisfazzjon il-kummenti fir-rapport li kkonfermaw kif Malta rreġistrat progress konsiderevoli u b’saħħtu fl-azzjoni tagħha dwar it-Tibdil fil-Klima.

Fi stqarrija, il-CAA qalet li hija impenjata wkoll li tkompli taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport u li tuża din l-inizjattiva li ħa l-NAO, permezz tal-Climate Scanner, biex tkompli ttejjeb il-ħidma tagħha u tippromwovi u timplimenta iktar azzjonijiet li jħallu impatt pożittiv fuq il-ħidma li qed iwettaq il-pajjiż fl-azzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-Climate Scanner hu għodda li qed tintuża minn Istituzzjonijiet ta’ Awditjar madwar id-dinja, u fl-ewwel analiżi permezz ta’ din l-għodda għal Malta kien irreġistrat skor ta’ 6.92 minn 10. 

L-Awditur Ġenerali jgħid hekk dwar dan l-iskor: “skont din il-metodoloġija ta’ valutazzjoni huwa meqjus bħala li jirrappreżenta progress b’saħħtu fir-rigward ta’ azzjoni klimatika.”

Filwaqt li ddeskriva dan bħala xhieda tal-progress li sar, l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali rrefera għal numru ta’ inizjattivi meħuda bħal l-Att għall-Azzjoni dwar il-Klima, it-twaqqif tal-Climate Action Authority u l-Kunsill Nazzjonali dwar il-Klima, kif ukoll l-impenn li ħadet Malta biex tippromwovi alternattivi għall-fossil fuels.

Dwar il-governanza, l-NAO jinnota istituzzjonijiet b’saħħithom u impenn għas-sostenibbiltà fit-tul, kif ukoll inizjattivi li ttieħdu bħal l-Assessjar għall-Vulnerabbiltà u r-Riskju. Jinnota wkoll l-inizjattiva li ttieħdet fis-settur pubbliku fejn f’kull Ministeru kien maħtur koordinatur għall-azzjoni dwar il-Klima.

B’rabta mal-politika pubblika, l-Awditur Ġenerali wkoll innota pożizzjoni b’saħħitha bit-tfassil ta’ strateġiji u pjanijiet li jinkludu fihom għadd ta’ miżuri.

Ir-rapport jinnota wkoll titjib f’dak li għandu x’jaqsam il-finanzjament ta’ inizjattivi marbuta mal-klima, kemm mis-settur pubbliku, kif ukoll mis-settur privat.

L-Inġ. Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-CAA, ikkummentat kif “huwa ta’ sodisfazzjon li l-isforzi ta’ Malta f’dan is-settur qed jiġu rikonoxxuti. Il-progress konsiderevoli li jinnota l-Awditur Ġenerali għandu jservi biss biex fuqu nieħdu iktar inizjattivi u nimplimentaw iktar miżuri, inkluż dawk li jissemmew fir-rapport tal-Awditur Ġenerali nnifsu. Inizjattivi, li biex ikunu iktar effettivi u jkollhom l-ikbar impatt iridu jittieħdu bħala pajjiż.

Fost oħrajn, is-CAA se tkompli taħdem fuq Pjan Nazzjonali ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima, fejn kienet anke ippubblikata Preliminary Market Consultation (PMC) bil-għan li jkunu ingaġġati esperti

fl-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali li beda jkun diskuss mal-imsieħba soċjali. Qed jitfasslu wkoll inizjattivi maħsuba biex is-settur privat jinvesti f’iktar proġetti li jħallu impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà ta’ pajjiżna. Dawn huma fost inizjattivi li l-ħidma fuqhom bdiet u jissemmew ukoll fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Il-CAA ħadet l-okkażjoni biex trodd ħajr lill-NAO ta’ din l-inizjattiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport