Monday, April 6, 2026

Il-Climate Action Authority u l-Aġenzija Sapport bi proġett flimkien għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi

Aqra wkoll

Ftehim bejn il-Climate Action Authority u l-Aġenzija Sapport se jwassal biex fuq il-bejt taċ-ċentru ta’ matul il-jum f’Raħal Ġdid jiġu installati pannelli fotovoltajċi li jipproduċu enerġija nadifa ekwivalenti għall-bżonnijiet ta’ 67 residenza.

Is-sejħa għall-offerti għal dan il-proġetti kienet ippubblikata f’isem l-Aġenzija Sapport fl-aħħar jiem u l-proġett huwa wieħed minn sensiela li qed tikkordina l-Climate Action Authority bil-għan li postijiet pubbliċi jintużaw għall-produzzjoni ta’ enerġija alternattiva. Dan bil-għan li awtoritajiet governattivi jibqgħu jmexxu bl-eżempju u jkunu fuq quddiem fit-tranżizzjoni ambjentali.

Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Climate Action Authority, huwa mistenni jsir b’investiment ta’ madwar €180,000 u jista’ jnaqqas l-emissjonijiet b’113 il-tunnellata metrika ta’ CO2 kull sena.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, l-Inġ Abigail Cutajar, spjegat kif l-awtorità qed tibqa’ tfittex li taħdem ma’ kemm jista’ jkun entitajiet biex tmexxi inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta. “Sodisfatti ferm li qed naħdmu mal-Aġenzija Sapport fuq dan il-proġett u rrid nirringrazjahom tad-disponibbiltà tagħhom. Dan il-proġett jingħaqad ma’ oħrajn, per eżempju dawk li qed nippjanaw fuq numru ta’ skejjel fejn ukoll se jkunu installati pannelli fotovoltajċi biex nipproduċu enerġija nadifa. Filwaqt li l-gvern jinvesti f’diversi inċentivi biex jgħin lin-nies jagħmlu t-tranżizzjoni, qed naraw li entitajiet pubbliċi jieħdu huma wkoll l-inizjattivi tagħhom u l-Climate Action Authority se tibqa’ tkun preżenti kemm b’assistenza teknika, iżda wkoll billi tgħin fl-investiment,” spjegat Cutajar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, is-Sur Oliver Scicluna, stqarr kif l-aġenzija kkollaborat b’konvinzjoni f’din l-inizjattiva. “Filwaqt li naħdmu fis-settur tad-diżabbiltà, dan ma jfissirx li m’aħniex konxji tas-sehem li nistgħu nagħmlu favur l-ambjent permezz ta’ deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum fl-operat tagħha.  Kien għalhekk li pjanajna biex dan l-ispazju fuq iċ-ċentru ta’ matul il-jum li għandna f’Raħal Ġdid jintuża biex isiru pannelli li jipproduċu enerġija nadifa. Sodisfatti li għal dan il-għan ħdimna id’ f’id mal-Climate Action Authority,” qal Scicluna.

Din is-sejħa għall-offerti tagħlaq fit-28 ta’ April u l-informazzjoni tista’ tinkiseb minn din il-link:
https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=13366883

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport