Sunday, October 27, 2024

Il-club ta’ Valletta f’luttu: Tislima lil Paul Gauci

Aqra wkoll

Il-Ħamis li għadda tħabbret il-mewt ta’ PAUL GAUCI eks-player ta’ Valletta li lagħab bejn l-1958 u l-1965 qabel emigra lejn l-Awstralja. Huwa kien proprju fuq btala f’Malta għal tliet xhur. Huwa kellu 81 sena. 

Huwa twieled fil-Belt Valletta fin-naħa tal-Mand­raġġ, nhar is-26 ta’ Jannar, 1941. Minn dejjem kellu l-imħabba lejn il-logħba u mill-football fit-toroq, fl-1955, huwa ngħaqad mal-Minors ta’ Gzira Uni­ted.  Grazzi għall-potenzjal li kien jippossjiedi hu­wa ġie promoss fl-ewwel skwadra li kienet tilgħab fit-Tieni Diviżjoni. 

Iżda fis-sajf tal-1957 huwa ssieħeb ma’ Valletta u nhar il-21 ta’ Marzu, 1959, iddebutta fil-kampjonat Malti fir-rebħa ta’ 5-0 fuq Birkirkara, bil-goals jaslu minn Josie Urpani (2), Joe Zammit (2) u Mario Azzopardi. Paul kien intgħażel fil-post ta’ Frankie Zammit li kellu l-influwenza. F’dak il-perjodu Paul kien jinżel għat-taħriġ mat-team Malti tal-Amateurs li pparteċipa fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob Olimpiku. 

Il-formazzjoni mitika ta’ Valletta fid-debutt ta’ Paul kienet: Tommy Taylor, Walter Bone, Nenu Mac­kay, Jackie Grech, Joe Cilia, Johnnie Darmanin, Joe Zammit, Josie Urpani, Mario Azzopardi, Alfred Borg u Paul Gauci.  

Mal-Lilywhites huwa dam jilgħab seba’ staġuni bir-rekord fil-kampjonat kien ta’ 44 partita li minnhom skorja 15-il goal.

L-ewwel wieħed tiegħu wasal nhar l-24 ta’ Frar, 1962, fir-rebħa ta’ 6-0 fuq St Patrick. Fil-veritá, f’din il-partita skorja doppjetta wara li kien hu li fetaħ l-iskor, bl-erba’ goals l-oħra jaslu minn Josie Urpani, Joe Zammit u doppjetta oħra minn Nenu Chircop. 

Żewġ noti kurjużi f’din il-partita kienu li Fran­kie Zammit kien nieqes minħabba li telaq lejn il-Kanada fejn iżżewweġ fis-17 ta’ Frar. Huwa kien se jibqa’ hemm iżda l-kumitat Belti kkonvinċih biex ikompli l-karriera magħ­hom .. u rritorna Malta f’Marzu. In-nota l-oħra hija li kien iddebutta Tony Calleja fl-etá ta’ 17-il sena, li kien ukoll it-tifel tas-segretarju ta’ Valletta, Manwel Calleja. 

Ma’ Valletta huwa rebaħ tliet darbiet il-kampjonat – 1958/59, 1959/60 u 1962/63.

Paul lagħab ukoll 12-il partita tal-FA Trophy li fihom skorja erba’ goals. Huwa rebaħ dan l-unur darbtejn – 1959/60 u 1963/64.

Huwa rebaħ ukoll ix-Scic­luna Cup fl-1963/64.

Peró huwa jibqa’ mfak­kar għall-ewwel goal ta’ Valletta fil-kompetizzjonijiet Ewropej … li wasal fl-14 ta’ Ottubru, 1964, kontra Real Zaragoza, f’La Rome­rada Stadium, liema partita kienet valida mit-Tazza tat-Tazzi. 

Din il-partita kienet it-tieni leg wara li Real kienu reb­ħu 3-0 fl-Empire Sta­dium, nhar is-6 ta’ Settembru, 1964.

L-Ispanjoli rebħu bl-is­kor ta’ 5-1 b’goals ta’ José Martinez Sigi (3), Marcelino Martinez u Eleuterio Santos Brito. 

Il-goal ta’ Paul, skorjat fid-29 minuta, wasal meta l-goalkeeper Spanjol, Vicente Cardoso, ikklerja ħażin bil-ballun jasal f’saqajn il-player Belti u b’lob preċiż qabad lill-is­tess goalkeeper barra minn postu biex għamel l-iskor momentarju 3-1. 

Il-formazzjoni ta’ Valletta kienet: Alfred Stivala, Johnnie Attard, Vince Gauci, Charlie Williams, Leo­nard Mizzi, Frankie Zammit, Tony Calleja, Josie Urpani, Tony Connor, Eddie Vella, Paul Gauci.

Paul kellu wkoll żewġ ħutu jilagħbu ma’ Valletta – Vincent (1963/64 – 1976/77) u Raymond (1973/74 – 1985/86).

Minn dawn il-kolonni noffru l-kondoljanzi lill- familjari u l-ħbieb tiegħu. 

Sport