Monday, December 23, 2024

Il-clubs tal-Premier League fl-Ingilterra jivvutaw biex idaħħlu s-sistema ta’ ħames sostituzzjonijiet mill-istaġun li ġej

Aqra wkoll

Il-clubs tal-Premier League fl-Ingilterra ivvutaw biex idaħħlu s-sistema ta’ ħames sostituzzjonijiet mill-istaġun li ġej.

Din il-bidla dwar in-numru ta’ sostituzzjonijiet permessi għal kull logħba ġiet ikkonfermata wara laqgħa tal-partijiet interessati fil-Premier League illum f’Londra.

Il-kampjonat tal-ogħla livell Ingliż issa se jkun konformi mal-bqija tal-kampjonati ewlenin tal-Ewropa u d-deċiżjoni ttemm snin ta’ reżistenza meta l-kwistjoni kienet tqajmet qabel.

Wara t-tifqigħa tal-Covid-19 ġew permessi ħames sostituzzjonijiet għall-bqija tal-istaġun 2019-20.

Iżda n-numru reġa’ niżel għal tlieta l-istaġun li għadda meta 10 clubs ivvutaw kontra din is-sistama.

L-idea kienet appoġġjata mill-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp u Pep Guardiola ta’ Manchester City, li saħqu li huma favur il-bidla permanenti biex ikunu jistgħu jamministraw aħjar il-piżijiet tax-xogħol tal-players tagħhom. Il-PFA wkoll kienu favur.

Għalkemm il-kritiċi sostnew li l-permess ta’ aktar sostituzzjonijiet f’nofs il-logħba tat lill-clubs elite bi skwadri akbar u aktar players ta’ kwalità vantaġġ saħansitra akbar.

Madankollu uħud mill-clubs li qabel kienu kontra l-bidla huwa mifhum li ratbu l-pożizzjonijiet tagħhom, aċċettaw li qed jonfqu somom konsiderevoli fuq pagi fl-iskwadri tagħhom u issa għandhom iċ-ċans li jagħmlu użu akbar mill-players li qed iħallsu.

Stqarrija mill-Premier League qalet li: “Il-clubs qablu li jbiddlu r-regoli relatati mal-players sostituti. Mill-istaġun li ġej, il-clubs se jitħallew jutilizzaw ħames sostituzzjonijiet, li jsiru fi tliet okkażjonijiet waqt partita, b’opportunità addizzjonali fil-mistrieħ. Total ta’ disa’ sostituti jistgħu jissemmew fuq il-line-up.’

Il-manager ta’ Arsenal Mikel Arteta qal li: ‘Ninsab kuntent li fl-aħħar ilħaqna l-kriterji tal-Ewropa kollha.’

‘Se jkun hemm xi bidliet għax dan jagħtik opportunitajiet oħra u naħseb li l-logħba se jkollha xi bidliet, tattikament.’

Ekonomija

Sport