Sunday, December 22, 2024

Il-coach Brendan Rodgers jerġa’ jingħaqad ma’ Celtic

Aqra wkoll

Brendan Rodgers irritorna bħala manager ta’ Celtic erba’ snin wara li telaq biex jingħaqad ma’ Leicester City.

L-Irlandiż ta’ 50 sena iffirma kuntratt ta’ tliet snin maċ-champions Skoċċiżi biex jieħu post Ange Postecoglou, li dan ix-xahar ingħaqad ma’ Tottenham.

Il-coaches John Kennedy u Gavin Strachan qed jibqgħu jaħdmu ma’ Rodgers minkejja interess minn Spurs.

“Ninsab tassew kuntent li nirritorna ma’ Celtic u ninsab eċċitat ħafna b’din l-opportunità kbira,” qal Rodgers.

Waqt li tkellem mal-websajt tal-klabb, żied jgħid: “Meta ngħatajt il-privileġġ li nerġa’ ningħaqad mal-klabb, kienet deċiżjoni sempliċi ħafna għalija u għall-familja tiegħi.

“Għaddejna żminijiet mill-aqwa f’Celtic fil-passat u dan se jerġa’ jkun l-għan tiegħi, li nwassal football tajjeb, niżgura li jkollna team li lkoll inħobbu naraw u fl-aħħar mill-aħħar inġibu aktar suċċess lill-partitarji tagħna.”

Huwa rebaħ seba’ unuri domestiċi ma’ Celtic bejn l-2016 u l-2019.

Ekonomija

Sport