Sunday, November 24, 2024

Il-coach De Zerbi jitkellem fuq l-ewwel sena tiegħu ma’ Brighton

Aqra wkoll

Roberto De Zerbi (ritratt) ħares lura lejn l-ewwel sena tiegħu ma’ Brighton, u ammetta li qed “jgħix il-ħolma” mal-club.

Il-manager Taljan ta’ 44 sena ngħata  r-responsabbiltá tas-Seagulls f’Settembru li għadda wara t-tluq ta’ Graham Potter, u tawh iċ-ċans li jipprova lilu nnifsu fl-ogħla livell wara l-perjodu qasir li kellu ma’ Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna.

De Zerbi bbrilla fl-ewwel sena tiegħu fit-tmexxija, u ggwida lil Brighton sas-sitt post fil-Premier League. Is-Seagulls bdew l-istaġun il-ġdid f’forma impressjonanti simili, fejn rebħu erbgħa mill-ħames logħbiet tal-ftuħ tagħhom.

Waqt li tkellem mad-dipartiment multimedjali ta’ Brighton, De Zerbi ħares lura lejn l-aħħar 12-il xahar tiegħu fi Brighton għall-ewwel darba, u fakkar fl-aqwa mumenti taż-żmien tiegħu fit-tmexxija.

“Ninsab kburi ħafna b’din l-ewwel sena hawn. Hija esperjenza inkredibbli, għadha ma spiċċatx, l-iffukar tiegħi għadu fuq dan l-istaġun iżda jekk niftakar l-ewwel perjodu tas-sena l-oħra u nqabbel ma’ issa, inħossni kburi ħafna. L-ewwel partita kontra Liverpool, f’Anfield, kienet waħda mill-aqwa jiem tal-karriera tiegħi.

“Għandi nirringrazzja lill-club u lill-partitarji, kif ukoll lill-players tiegħi u lin-nies li jaħdmu hawn għax ma nistax ninsa kif ittrattawni. Ma rbaħniex, bħal kontra Nottingham, iżda l-wirjiet kienu tajbin.

“Niftakar il-logħba kontra Chelsea … irbaħna billi skorjajna ħafna, lgħabna partita mill-aqwa. Il-partita deċiżiva kienet ir-riżultat, iżda jekk nitkellmu fuq menta­lità nemmen li l-partita kontra Manchester City kienet l-aktar waħda importanti tal-vjaġġ tagħna.”

Huwa tkellem dwar it-tkabbir tat-team tiegħu u dak li jipprova jgħallimhom.

“Ma nafx jekk għentx lill-players jew jekk għamiltx aktar pressjoni fuqhom, iżda bħala coach irrid naddatta u nwassal pas­sjoni bl-imġieba tiegħi u b’dak li nagħmel. Id-DNA tat-team huwa dejjem l-istess.

“L-idea tiegħi tal-football hija waħda li nemmen li tagħmilha aktar faċli biex jinkisbu r-riżultati, kif ukoll li tagħmel lill-partitarji kuntenti.

“Irridu nilagħbu b’kuraġġ, bdejna b’dawn l-ideat u mbagħad nistgħu nitilfu wkoll, iżda rridu nagħmluha billi nuru l-kwalitajiet tagħna u nippruvaw nirbħu fil-kompetizzjonijiet kollha.”

Finalment, De Zerbi esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-karriera tiegħu ta’ coach u dak li ġej.

“Naħseb li jiena coach tajjeb, iżda naf li nista’ nitjieb. Għandi ħafna fiduċja fija nnifsi. Għadni ma nafx dak kollu li rrid inkun naf. It-titjib fil-football għadu ma spiċċax. Qed ngħix ħolma.

“Kultant nistaqsi jekk dak kollu li qed jiġri huwiex reali, jekk verament inix fil-Premier League. Irbaħna kontra Liverpool, kontra Manchester United, kontra Newcastle, żgur li mhix ħolma. Huwa tal-ġenn iżda għalija huwa sabiħ.”

Sport