L-FA Arġentina tinsab ferm viċin li tilħaq ftehim mal-coach, Lionel Scaloni, biex jiġġedded il-kuntratt tiegħu fit-tmexxija tat-team nazzjonali wara s-suċċess tar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja ftit tal-jiem ilu.
Bħalissa, Scaloni jinsab fuq btala mal-familja f’Mallorca iżda jidher li kollox jinsab lest li se jibqa’ fir-responsabbiltá taċ-champions tad-dinja.
L-FA Arġentina kellha laqgħa virtwali ma’ Scaloni u Bjorn Bezemer, direttur maniġerjali tal-aġenzija ta’ rappreżentanta tiegħu. L-eżitu ta’ dawn in-negozjati kien wieħed pożittiv.
Madankollu Scaloni jrid jibqa’ fl-irwol ta’ coach nazzjonali, iżda mhux bi kwalunkwe prezz. Huwa jaf li għandu l-”vantaġġ” wara li mexxa lil pajjiżu għal tliet titli konsekuttivi – il-Copa Amerimca, il-Finalissima u t-Tazza tad-Dinja.
Il-verità hi li l-coach tal-Arġentina u l-istaff tekniku tiegħu ġew ingaġġati fuq bażi temporanju u ma kellhomx salarji tajbin. Iżda dan jidher li se jinbidel jekk jiġi finalizzat it-tiġdid tal-kuntratt.